Ittra Pastorali għar-Randan mill-Isqfijiet

Għeżież,

“Ifirħu fit‑tama” (Rum 12:12). Qegħdin niċċelebraw il‑Ġublew tas‑sena 2025, li l‑Papa Franġisku xtaq li jkun iddedikat lit‑tama.

Min hu Pawlu li qed jgħid lin‑nies ta’ Ruma “Ifirħu bit‑tama”? Kif iltqajna miegħu? Aħna nirringrazzjaw lil Alla tal‑miġja tiegħu fostna f’nawfraġju drammatiku li laqqagħna ma’ raġel imxarrab għasra li kellu x‑xorti li jiltaqa’ magħna, u aħna xorti akbar li niltaqgħu miegħu.

Aħna nies ta’ qalb twajba li lqajna lilu u l‑275 passiġġiera l‑oħra tal‑ġifen. Mal‑mexxej Publiju wrejna xi tfisser umanità, xi tfisser qalb li ma tħarisx lejn il‑kundizzjoni tal‑bniedem imma lejn il‑bżonn tiegħu. Din it‑turija ta’ rispett lejn l‑umanità, aħna għamilnieha qabel ma ltqajna ma’ Kristu. Jalla, wara elfejn sena li ltqajna ma’ Pawlu u ma’ Kristu, qatt ma nitilfu d‑diċenza oriġinali tal‑ewwel abitanti ta’ din il‑gżira.

Pawlu l‑bniedem li jagħti t‑tama

Fir‑rakkont tal‑vjaġġ lejn Malta, waqt it‑tempesta, fl‑Atti tal‑Appostli hemm l‑espressjoni: “fl‑aħħar tlifna kull tama li nsalvaw” (Atti 27:20).  Hemmhekk  Pawlu jintervjeni u jgħidilhom biex ma jibżgħux: “Għax dal‑lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, u qalli, ‘Tibżax, Pawlu. Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari; ara, Alla tak il‑grazzja li dawk kollha li qegħdin jivvjaġġjaw miegħek isalvaw’” (Atti 27:23‑24).

Pawlu għamel kuraġġ lil sħabu. Dan Pawlu, bħala Lhudi, tgħallem jittama f’Alla wieħed. Min jaf kemm‑il darba qara, xtarr u talab fuq il‑kliem tal‑Profeta Ġeremija: “It‑tama ta’ Iżrael int, Mulej, kull min jabbandunak, jitħawwad. Dawk li jitbiegħdu minnek fit‑trab jinkitbu, għax telqu lill‑Mulej, l‑għajn tal‑ilma ġieri” (Ġer 17:13). Fil‑laqgħa tagħna ma’ Pawlu ltqajna ma’ bniedem li ma kellux it‑tama tal‑pagani. It‑tama tal‑pagani kienet li xi darba jiġri xi ħaġa li tiffavurina bħal min jaqta’ biljett tal‑lotterija u jittama li jirbaħ. Mhux dik it‑tama ta’ Pawlu. It‑tama ta’ Pawlu hija mibnija fuq il‑fidi li Alla jżomm kelmtu u li l‑imħabba tiegħu ma tiġi qatt nieqsa. Min jabbanduna lil Alla jkun jabbanduna “l‑għajn tal‑ilma ġieri” (Ġer 17:13).

It‑tama fil‑Mulej hi l‑aqwa garanzija

X’se nagħmlu aħna li ltqajna mal‑Mulej għax laqqagħna miegħu Pawlu? X’se nagħmlu b’ħajjitna, bil‑kultura tagħna, b’pajjiżna? Il‑Mulej mhuwiex għadu tal‑libertà tagħna, tal‑progress veru, tad‑dinjità tagħna. Il‑Mulej, jekk nittamaw fih, hu l‑aqwa garanzija ta’ dan kollu.

Pawlu, fit‑tagħlim tiegħu, jurina xi tfisser it‑tama. Juri li “Ġesù hu t‑tama tagħna” (1 Tim 1:1‑2). “Permezz tiegħu,” jgħid lir‑Rumani, “għandna d‑dħul bil‑fidi għal din il‑grazzja li qegħdin fiha,” għall‑ħniena, għall‑imħabba t’Alla. Jgħid “Aħna niftaħru bit‑tama li għandna li għad niksbu l‑glorja t’Alla” (Rum 5:2).

Mela t‑tama fl‑Appostlu Missierna San Pawl hi l‑ewwel nett direzzjoni li tagħti lil ħajjitna. Jgħid: “Niftakru fil‑ħidma li ġejja mill‑fidi tagħkom, fit‑taħbit li ħiereġ minn imħabbitkom, niftakru fil‑qawwa tat‑tama tagħkom” (1 Tess 1:3). Fil‑magħmudija aħna ngħatajna dawn id‑doni spiritwali: il‑fidi, it‑tama u l‑imħabba. Il‑pedament hu l‑fidi. Il‑mod konkret kif tgħixha hi l‑imħabba. It‑tama hi li tagħtik id‑direzzjoni. Hi ankra u boxxla għal ħajjitna.

“Aħna salvi bit‑tama,” hi espressjoni sabiħa li juża l‑Papa Benedittu XVI fir‑riflessjoni sabiħa u profonda fuq it‑tama Spe Salvi. Hi meħuda mill‑ittra ta’ Pawlu lir‑Rumani, u jgħid hekk l-Appostlu Missierna: “Aħna salvi bit‑tama. Meta wieħed jara l‑ħwejjeġ li jkun ittama, ma tkunx aktar tama” (Rum 8:24) inkunu wasalna, m’għandniex bżonn mappa, m’għandniex bżonn direzzjoni.“Għax kif jista’ jittama l‑ħwejjeġ li ġa jkun ra?” (Rum 8:24).

Pellegrini tat‑tama

Imma aħna għandna bżonn din it‑tama għax għadna ma wasalniex. Aħna pellegrini, għalhekk il‑Papa Franġisku bħala motto ta’ din is‑sena għażel ‘Pellegrini tat‑Tama’. Fil‑mixja tagħna tal‑ħajja, għandna bżonn li din it‑tama tagħtina d‑direzzjoni. Nistaqsu lilna nfusna: aħna fejn irridu mmorru? L‑għażliet li qed nagħmlu bħala soċjetà, bl‑għażliet personali, fejn irridu mmorru? X’inhi t‑tama tagħna?

“Kulma nkiteb fl‑iskrittura fl‑imgħoddi nkiteb għat‑tagħlim tagħna biex bis‑sabar u bil‑faraġ li tagħtina l‑iskrittura, aħna jkollna t‑tama” (Rum 15:4). Dan il‑kliem Pawlu kitbu meta kien ħabsi ppersegwitat, lill‑komunità li kienet ippersegwitata, li kienet itturufnata għall‑għażla tagħha ta’ Ġesù. Pawlu jsarraf it‑tama tiegħu u ta’ ħutu l‑Insara b’dawn iż‑żewġ kelmiet: sabar u faraġ. Jekk ikollok it‑tama, iħabbat kemm iħabbat il‑maltemp, ikollok is‑sabar, ir‑reżiljenza, il‑kapaċità li tkompli, li ma taqta’ qalbek qatt, u jkollok ukoll il‑faraġ, il‑faraġ tal‑qalb.

It‑tama fil‑ħajja ta’ dejjem

Imma din id‑direzzjoni trid tkun ukoll ibbażata fuq it‑tama fil‑ħajja ta’ dejjem. Ħafna drabi aħna u nħarsu lejn ħajjitna, naħsbu fil‑kuntentizza tal‑ħajja tagħna ta’ issa u ninsew li qed “nistennew it‑tama hienja u d‑dehra tal‑glorja tal‑kbir Alla u s‑Salvatur tagħna Ġesù Kristu” (Titu 2:13).

Meta Pawlu kiteb dawn il‑kliem lil Titu, kien qed jitkellem fuq l‑esperjenza li diġà kellu, għax hu kien ra din il‑glorja fit‑triq ta’ Damasku. Kienet esperjenza li biddlitlu ħajtu u li għarrfitu li t-tama tiegħu f’Alla hi wkoll it‑tama f’Ġesù ta’ Nazaret. Kienet ukoll stedina għall‑ħajja ta’ dejjem.

Min jittama vera u jaħseb fil‑mewt, ma jaħsibx f’xi ħaġa li ttemmlu ħajtu fix‑xejn, imma f’bieb jew tieqa għall‑ħajja ta’ dejjem. Ejjew naħdmu biex dan l‑appuntament ta’ kull wieħed u waħda minna mas‑Salvatur, din it‑tama hienja tkun tassew laqgħa sabiħa, u mhux frott tad‑deċiżjoni li ntemmu ħajjitna qabel iż‑żmien jew li ngħixu ħajja bla tama. Ejjew naħdmu biex meta niftakru fit‑tmiem ta’ ħajjitna fuq din l‑art, qalbna tiftakar f’dik it‑tama hienja u Alla jbierek dak kollu li nagħmlu bħala soċjetà, biex min qiegħed qrib id‑destinazzjoni tal‑ħajja ta’ dejjem ikun imwieżen bis‑sapport tagħna, bis‑servizzi kollha meħtieġa, bl‑imħabba tal‑aħwa, mhux abbandunat, mhux imwarrab, imma rispettat, imwieżen, megħjun.

“Ma rridux li ma tkunux tafu,” jikteb Pawlu lit‑Tessalonkin fuq il‑mejtin, “biex ma ssewdux qalbkom bħall‑oħrajn li m’għandhomx tama” (1 Tess 4:13). Meta ngħaddu mill‑mewt ta’ min ikun qrib tagħna, insewdu qalbna għalih u nibku bħalma għamel Ġesù quddiem il‑mewt tal‑ħabib tiegħu Lazzru. Imma jekk ma għandniex it‑tama tal‑ħajja ta’ dejjem, dak is‑swied ta’ qalb ma jintemm qatt.

Il‑faraġ tagħna hu aqwa. “Ifirħu bit‑tama, stabru fil‑hemm, itolbu bla waqfien” (Rum 12:12). Din hi l‑istedina ta’ Pawlu f’din is‑sena mqaddsa tal‑grazzja. Ejjew nifirħu li ħajjitna għandha direzzjoni li hi Ġesù, nistabru fil‑mumenti ta’ tbatija, u nitolbu bla ma naqtgħu biex il‑Mulej iqawwilna qalbna u jsaħħaħna f’kull għemil u kelma tajba. Bil-qalb nagħtukom il-barka pastorali tagħna.

✠  Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta

Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju ta’ Malta