Għada t-Tlieta, 4 ta’ Frar 2025, se jiftħu l‑applikazzjonijiet online għal ‘Applikanti Oħra’ għad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Malta u f’Għawdex għas‑sena skolastika l‑ġdida li tibda f’Settembru li ġej. In‑numru totali ta’ postijiet vakanti huwa ta’ 840 (771 f’Malta u 69 f’Għawdex). L‑applikazzjonijiet għall‑iskejjel f’Malta u Għawdex se jintlaqgħu bejn it-Tlieta l‑4 u l-Ħamis it‑13 ta’ Frar, kif ukoll bejn il-Ħamis l‑20 u l-Ħamis is‑27 ta’ Frar 2025. L‑applikazzjonijiet għal każijiet ta’ ażil jiftħu f’Marzu.
Id‑dettalji ta’ kemm postijiet imtlew bl‑applikazzjonijiet ta’ ‘L‑Ewwel Kriterju’ li s‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika laqa’ f’Novembru u Diċembru li għadda jinsabu fuq Knisja.mt.
Il‑proċess għad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Malta jiddetermina d‑dħul fl‑ewwel u t‑tieni sena kindergarten, fl‑ewwel sena primarja u fl‑ewwel sena sekondarja. It-tabella li ġejja tispjega l-postijiet vakanti fl-iskejjel tal-knisja f’Malta. L‑applikazzjonijiet għad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Malta jsiru fuq knisja.mt/applikazzjonijiet.
MALTA / SENA | Postijiet Vakanti Subien | Postijiet Vakanti Bniet | Total Postijiet Vakanti |
L-Ewwel Sena Kindergarten | 37 | 47 | 84 |
It-Tieni Sena Kindergarten | 49 | 217 | 266 |
L-Ewwel Sena Primarja | 128 | 202 | 330 |
L-Ewwel Sena Sekondarja | 48 | 43 | 91 |
TOTAL | 262 | 509 | 771 |
Il‑proċess għad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Għawdex jiddetermina d‑dħul fl‑ewwel sena kindergarten u fl‑ewwel sena sekondarja. It-tabella li ġejja tispjega l-postijiet vakanti fl-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex. L‑applikazzjonijiet għad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Għawdex isiru fuq knisja.mt/gozoapplications.
GĦAWDEX | Postijiet Vakanti Subien | Postijiet Vakanti Bniet | Total Postijiet Vakanti |
L-Ewwel Sena Kindergarten | 33 | ||
L-Ewwel Sena Sekondarja | 19 | 17 | 36 |
TOTAL | 69 |
Għal aktar dettalji dwar l‑applikazzjonijiet ara ċ‑ċirkolari u r‑regolamenti ppubblikati fuq Knisja.mt jew ibgħat email fuq [email protected].