Arċipriet ġdid għall-parroċċa taż-Żejtun
L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Dun Anton Galea-Scannura bħala l-arċipriet il-ġdid tal-parroċċa ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun. Hu se jkun megħjun minn Dun Bernard Micallef bħala viċi-parroku.
Dun Anton Galea-Scannura twieled il-Belt Valletta fis-17 ta’ Lulju 1973. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Primarja ta’ Stella Maris f’Ħal Balzan, fil-Junior Lyceum tal-Ħamrun, u fil-Junior College. Huwa kompla l-istudji terzjarji fil-Filosofija u t-Teoloġija fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta.
Fis-26 ta’ Ġunju 1998 ġie ordnat saċerdot u beda jservi fil-parroċċa tal-Kunċizzjoni fil-Ħamrun. Hu serva wkoll pastoralment fil-parroċċi ta’ San Ġiljan u ta’ Marija Immakulata f’Bormla. Fl‑2007 inħatar kappillan tal‑parroċċa ta’ San Ġużepp fil‑Kalkara u f’dawn l-aħħar 10 snin kien kappillan tal‑parroċċa ta’ San Pietru tal‑Ktajjen f’Birżebbuġa.
Il-parroċċa taż-Żejtun tiġbor fiha madwar 12,400 persuna.
Kappillan ġdid għall-parroċċa ta’ Birżebbuġa
L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Dun Reuben Micallef bħala l-kappillan il-ġdid tal-parroċċa ta’ San Pietru fil-Ktajjen f’Birżebbuġa.
Dun Reuben Micallef twieled fid-29 ta’ Lulju 1977 u trabba fil-parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes f’Raħal Ġdid. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Ħal Tarxien, fil-Kulleġġ De La Salle, fil-Junior College, u fl-Università ta’ Malta. Fl-1998 beda l-formazzjoni u l-istudji tiegħu għall-ħajja saċerdotali fis-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù u fl-2005 iggradwa mill-Fakultà tat-Teoloġija.
Dun Reuben ġie ordnat saċerdot fil-21 ta’ Lulju 2005 u beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-parroċċa ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid. Fl-2008 inħatar kappillan tal-parroċċa ta’ Santa Luċija fl-Imtarfa. Fl-2012 inħatar arċipriet tal-Kolleġġjata ta’ Marija Immakulata f’Bormla. Fl-2017 inħatar kappillan tal-parroċċa ta’ Kristu Rxoxt f’Pembroke.
Il-parroċċa ta’ Birżebbuġa tiġbor fiha madwar 11,800 persuna.