“Hekk kif il-Knisja Kattolika qed iżżid l-isforzi tagħha fl-evanġelizzazzjoni l-ġdida, kif ukoll il-ħidma fil-qasam tal-ġustizzja u l-paċi fid-dinja, ikun għaqli li wieħed jimita l-approċ pożittiv u profetiku li ħa Beatu Ġwanni XXIII fl-enċiklika tiegħu ‘Pacem in Terris’ jew ‘Paċi fl-Art’.”
Din l-istqarrija għamilha l-Arċisqof Franċiż Roland Minnerath ta’ Dijon fi ftuħ il-laqgħa tal-Akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi Soċjali, li fl-aħħar jiem żammet it-tieni minn tliet laqgħat bi tħejjija għall-50 anniversarju tal-enċiklika ‘Pacem in Terris’, li se jsir is-sena d-dieħla, enċiklika li tħares mill-qrib lejn it-kisba tal-paċi, il-ġustizzja, l-imħabba u l-liberta.
Mary Ann Glendon, Professor tal-Liġi fl-Universita ta’ Harvard u Presidenta tal-Akkademja, qalet lill-membri li l-istudju u d-diskussjonijiet tagħhom ikunu ffukati fuq “ir-rwol tar-reliġjon fit-tiftix għat-trankwillita tal-ordni f’dinja kull ma jmur iżjed kumplessa u maħkuma mill-kunflitti”.
L-Arċisqof Minnerath qal li l-enċiklika, għall-kuntrarju ta’ x’wieħed ikun normalment jistenna, sabet widnejn miftuħa u sens ta’ disponibilita madwar id-dinja kollha, primarjament minħabba li kienet “l-ewwel enċiklika indirizzata lil dawk kollha ta’ rieda tajba”. Iktar minn hekk, l-Arċisqof kompla jgħid li l-enċiklika laqtet lil kull persuna li kienet tixtieq il-paċi, speċjalment quddiem il-gwerra bierda, l-indipendenza ta’ min kien f’kolonja fl-Afrika u l-Asja u quddiem l-iżvilupp ekonomiku mifrux.