• Assemblea Djoċesana 2013

  • Bejn illum, il-Ġimgħa 4 ta’ Ottubru u għada s-Sibt 5 ta’ Ottubru, il-Knisja f’Malta ser tlaqqa’ l-Assemblea Djoċesana. Dan l-avveniment annwali jiġbor flimkien mal-Arċisqof Pawlu Cremona O.P., lil dawk responsabbli mill-oqsma kollha tal-Knisja.

    It-temi li ser jiġu diskussi waqt l-Assemblea Djoċesana 2013 huma: “lejn ħidma pastorali integrata fil-qasam taż-żwieġ u l-familja”, u “il-katekeżi tat-tfal: sfidi u direzzjoni għall-ġejjieni”. L-Arċisqof xtaq li ssir riflessjoni dwar żewġ temi importanti fil-ħajja tal-Knisja, kif joħroġ mill-Pjan Pastorali 2012 – 2014. 

    Fl-ewwel jum tal-Assemblea ser issir preżentazzjoni ta’ rapport minn task force tal-Kummissjoni Djoċesana Familja. Fit-tieni jum, ser issir preżentazzjoni ta’ dokument imħejji mis-Segretarjat għall-Katekeżi b’riflessjoni dwar il-katekeżi tat-tfal. 

    Il-preżentazzjoni taż-żewg dokumenti, flimkien mad-diskussjoni li ser issir waqt din l-Assemblea, huma l-bidu ta’ proċess għat-tfassil ta’ ħidma pastorali fil-qasam tal-katekeżi tat-tfal u tal-familja, li tkun aġġornata għaż-żminijiet tal-lum.

    L-Assemblea Djoċesana 2013 ser titlaqqa’ fiċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni, Birkirkara, u ser tkun ippreseduta mill-Arċisqof Pawlu Cremona. Mistennija jattendu l-membri tal-Kunsill Presbiterali u tal-Kunsill Pastorali Djoċesan, id-delegati tal-Arċisqof fis-Segretarjati u l-Kummissjonijiet Djoċesani, il-provinċjali tal-kongregazzjonijiet reliġjużi, il-kappillani, il-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja, il-mexxejja tal-għaqdiet u l-movimenti tal-Knisja, u diversi persuni oħra li jagħtu sehemhom fil-ħajja tal-Knisja.