L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ħarsu rwieħkom minn kull regħba”. Din hija l-kelma li smajna lil Ġesù jgħid fl-Evanġelju tal-lum, u aħna nafu mill-esperjenza tal-ħajja kemm hi vera. Ir-regħba x’inhi? Hija dik il-kilba li jkollok, ikollok iktar, iġġib iktar, tiġma’ iktar. Ġesù jgħid: ħajtek ma tiddependix mill-ġid li jkollok.
Għalhekk lin-nies Ġesù qalilhom: iftħu għajnejkom, għax faċli titqarrqu. U jġib l-eżempju bil-parabbola ta’ dan ir-raġel li kellu ħafna ġid u ried jaħżen il-ġid kollu biex hu jixxala u jgawdi dan il-ġid. Imma li ma kienx jaf u ma kienx qed jittendi dar-raġel kien li wasal il-mument tal-mewt tiegħu, u għalhekk il-ġid kollu li ħażen mhux għalih kien, fil-fatt, imma għall-werrieta.
X’irid jgħid Ġesù lilna llum b’dan il-messaġġ tiegħu? Ġesù qed jgħid li ma għandniex nirsistu għall-ħajja tagħna u tal-familja tagħna? M’għandniex nippruvaw infittxu kwalità ta’ ħajja aħjar? U fejn jidħol il-wirt – għax id-diskors kollu beda mill-wirt, xi ħadd li kellu problema familjari fil-wirt u ried lil Ġesù biex isolvihielu – aħna għandna nkunu nies li naċċettaw kull tip ta’ inġustizzji u abbuż, anke ma’ min suppost jimxi b’ġustizzja fil-wirt imma jabbuża mill-pożizzjoni? Għandna naċċettawh dan?
Ir-regħba twassal għal ħafna ħażen. Narawha fil-ħajja: it-tixħim, prattiċi korrotti, serq minn taħt, ġieli serje ta’ dawn
Ġesù mhux dan qed jgħid. Mhux qed jgħid li aħna m’għandniex nirsistu għalina, għall-ħajja tagħna, għall-familja tagħna, u għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Mhux qed jgħid li għandna naċċettaw l-inġustizzji fejn jidħol il-wirt. Imma Ġesù qed jgħid li rridu noqogħdu attenti fil-ħajja li meta naħsbu fil-ġid u f’dak li jista’ jkollna, dan ma jsirx jikkmandalna ħajjitna. Dak li jkollna għandu jkun mezz għall-għajxien, mhux hu jikkmandana. Qiegħed biex nużawh, mhux biex imexxina hu. Ikun jikkmandana jekk aħna tant nhewdnu fuq hekk kontinwament li ma jħalliniex ngħixu ħajja serena; tant il-moħħ ikun fuq li jkollok, ikollok, ikollok, li ma tkunx tista’ tgħix ħajja fil-kwiet.
Nafu wkoll li dan jista’ jwassal għal ħafna ħażen. Din il-kilba, din ir-regħba twassal għal ħafna ħażen. Narawha fil-ħajja: it-tixħim, prattiċi korrotti, serq minn taħt, ġieli serje ta’ dawn. Imma li qed jgħid Ġesù hu li anke jekk ma jwasslekx għal dan, għandek toqgħod attent li ma tħallix il-kilba tegħlbek, tirkbek, b’mod li ma tistax tgħix il-jum u tgawdi kull ġurnata tal-ħajja b’mod seren.
Irridu niftakru li hemm ħaġa importanti ħafna li jsemmiha Ġesù hawnhekk: fl-aħħar mill-aħħar, fl-aħħar ta’ ħajjitna, meta l-Mulej isejħilna għal għandu, ma nieħdu xejn magħna minn dak li nkunu ġbarna u ġemmajna jew li jkollna maħżun. Lanqas ewro ma nieħdu magħna! Xejn. Li jkollna jibqa’ għal ta’ warajna. X’nieħdu magħna meta jsejħilna l-Mulej? Mhux dak li nkunu ġbarna, imma l-ġid li nkunu għamilna. Mhux il-ġid li nkunu akkwistajna – dak jibqa’ hawn għal ta’ warajna – imma l-ġid li nkunu għamilna mal-oħrajn, speċjalment dawk li huma fil-bżonn. Għalhekk ifakkarna Ġesù li aħna għandna ninqdew tajjeb bil-ġid li għandna u naħsbu f’dawk li huma bil-bżonn, qatt ma nkunu qalbna magħluqa jew indifferenti għal dawk li huma fil-bżonn.
Nitolbu lill-Mulej biex lilna jgħinna noqogħdu attenti mir-regħba u mill-kilba għall-ġid, u li aħna nużaw tajjeb il-ġid li għandna b’mod li qatt ma nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju