Fis-sena li l-Papa Bendittu XVI ddedika lis-saċerdoti, id-Dar tal-Providenza qed tfakkar il-mitt sena mit-twelid ta’ Dun Mikiel Azzopardi, il-fundatur tad-Dar. It-tema li ntagħżlet biex tfakkar dan l-anniversarju: ‘Dun Mikiel, il-ħabib ta’ kulħadd’ tgħid fi ftit kliem min kien dan il-qassis u kif għandu jkun kull saċerdot. Dun Mikiel kien qassis li bħal Ġesu kien “kollox għal kulħadd.” L-imħabba pastorali tiegħu kienet imħabba verament inklussiva, bla distinzjonijiet. Għalhekk, hi ħaga sabiħa li filwaqt li l-Knisja qed tiċċelebra s-sena tas-sacerdot, nieqfu niftakru, napprezzaw u niddakkru mill-eżempji sbieħ ta’ saċerdoti bħal Dun Mikiel li ispirati mill-Vanġelu servew il-poplu t Alla b’sens qawwi ta’ ġenerożita, imħabba u mpenn.
Monsinjur Azzopardi, jibqa’ magħruf għall-ħidma tiegħu fi ħdan l-Azzjoni Kattolika Maltija, fil-qasam edukattiv, fil-qasam tax-xandir imma l-aktar fil-qasam tal-persuni b’ diżabilita u dan mhux biss għax waqqaf id-Dar tal-Providenza fl-1965 imma forsi aktar għax għallimna kif għandna nħarsu lejn il-persuna b’diżabilita’.
Kien il-Ħadd 12 ta’ Settembru 1965, meta waqt il-programm “Is-siegħa tal-morda” fuq ir-redifusion, Dun Mikiel xandar għall-ewwel darba l-ħsieb tiegħu li kien ilu jberren ġo rasu, dak li jibni dar f’ambjent jixba] lil tal-familja għal persuni b’dizabilità li għal xi raġuni jew oħra ma’ kienx possibli għalihom li jibqgħu jgħixu mal-familja naturali tagħhom. Waħda xebba żagħżugħa li nzertat semgħet dan il-programm, mingħajr telf ta’ żmien, marret titlaqa’ ma’ Dun Mikiel u tatu ċekk ta’ LM100 li kienet fadlet biex issiefer għal vaganza, biex bihom ikun jista’ jwettaq il-ħolma tiegħu. Dun Mikiel kien iħobb jgħid li “dawk il-mitt lira kienu qishom il-ħames ħobziet u ż-żewġ ħutiet. Bil-Barka t’ Alla tkattru u minnhom bosta huma dawk li kielu u għad ikomplu jieklu, kif u kemm jehtieg.”
Illum id-Dar tal-Providenza tiġbor fiha erba’ residenzi: Villa Monsinjur Gonzi, Villa Papa Giovanni, Villa Papa Luciani u d-dar żgħira żerniq, fir-ra]al tas-Siġġiewi. Barra s-servizz residenjali d-Dar toffri wkoll is-servizz ta’ respite jiġifieri toffri dar sostitut, għal perjodu temporanju, lill-persuna b’diżabilita’, meta l-familja tagħha jkollha dan il-bzonn minħabba mard jew xi raġuni oħra.
Dun Mikiel Azzopardi, ipppromwova kunċetti ta’ valur, rispett u dinjità lejn il-persuni b’diżabilità, kunżetti li llum wasslu biex il-persuni b’diżabilità f’Malta qegħdin f’pożizzjoni aħjar li mhux biss igawdu minn opportunitajiet indaqs, imma wkoll ]afna minnhom qed ikunu ta’ kontribut siewi lis-soċjetà u lill-Knisja. Dun Mikiel kien iħares lejn il-persuna b’diżabilita’ bħala persuna umana li għandha dritt tgawdi l-istess drittijiet fundamentali li tgawdi kull persuna oħra fid-dinja u għalhekk konxju li dan ma kienx qed jiġri f’pajjizna beda jaħdem biex il-persuni b’diżabilita’ f’pajjiżna jibdew jingħataw kull possibilita’ li jikbru fl-umanita’ tagħhom u jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjeta’. It-triq ma kinitx faċli, imma mimli b’sens qawwi ta’ ġustizzja, Dun Mikiel, flimkien ma’ pijunieri oħra fil-qasam tad-diżabilita kien determinat li jaħdem biex il-persuni b’diżabilita f’Malta jkunu trattati ndaqs u b’dinjita’.
Dun Mikiel kien konxju li l-akbar ostaklu biex il-persuna b’diżabilita’ tkun stmata ndaqs kien l-atitudnijiet żbaljati tan-nies kif ukoll id-diskriminazzjoni konxja jew inkonxja li jiġu mposti fuqhom inġustament. Sfortunatament minkejja l-progress li sar f’pajjiżna persuni b’diżabilita’ għadhom jaqsmu esperjenzi komuni ta’ ostakli li jimpedixxu aċċess u parteċipazzjoni sħiħa ħafna drabi minħabba l-atitudni żbaljati u n-nuqqas ta’ sensittivita ta’ ħaddiehor. Għaldaqstant jibqa’ l-bżonn li kemm is-soċjeta’ ċivili kif ukoll il-Knisja f’Malta jkomplu jedukaw lill-poplu biex iħarsu b’mod aktar pożittiv lejn il-persuni b’diżabilita’. Naturalment il-kelma tqanqal imma l-eżempju jkaxkar u għalhekk il-Knisja f’Malta trid timpenja ruħha b’mod aktar konkret biex tassigura li l-persuni b’diżabilita’ ma jsibux ostakoli fiżiċi, ta’ nformazzjoni u ta’ atitudnijiet li ma jipprovdulhomx opportunitajiet verament indaqs.
Biex nilqgħu din l-isfida jeħtieġ li nisimgħu lill-persuni b’diżbailita’ nfushom u l-familjari tagħhom dwar x’qed ifixkel l-inkulużjoni tagħhom fil-ħajja tas-soċjeta’ u tal-Knisja b’mod li kull ostaklu fiżiku jew atitudnijiet negattivi jkunu sa fejn hu possibli, eliminati. Hu biss meta nisimgħu lill-persuni b’diżabilita’ u l-familji tagħhom li nistgħu verament inwieġbu għall-bżonnijiet vera tagħhom.
L-għajta tal-Knisja għall-ġustizzja trid tidher ukoll fid-difiża tagħha favur il-ħajja u l-oppożizzjoni għall-kultura tal-mewt kif jitlob ir-rikonoxximent tad-dinjita’ u l-kontribut pożittiv tal-persuni b’diżabilita’. Il-Knisja trid tkompli teħodha kontra atitudnijiet negattivi fil-konfront tal-persuni b’diżabilita’ li ħafna drabi jwasslu għall-abort u l-ewtanasja. Id-difiża għall-ħajja titlob li niddefendu,b’mod konkret id-drittijiet kollha li jg]inu lill-persuna b’diżabilita’ takkwista dak kollu li għandha bżonn għall-iżvilupp sħiħ tagħha. Dan jinkludi d-dritt għall-opportunitajiet indaqs fil-ħajja tal-Knisja, fil-ħajja tal-familja, fl-edukazzjoni, fil-qasam tax-xogħol, fid-divertiment, fil-housing, fil-qasam tas-saħħa, kif ukoll id-dritt għall-aċċess għas-servizzi, faċilitajiet pubbliċi u privati. Titlob ukoll li jingħata sapport konkret lill-familji ta’ persuni b’diżabilita’ biex huma wkoll ikomplu jagħtu s-sapport li dawn il-persuni għandhom bżonn. Dawk l-persuni b’diżabilita’, li minkejja dan is-sapport, xorta jkollhom bżonn servizz residenzjali temporanju jew permanenti, għandhom ikollhom attenzjoni personalizzata u diċenti flimkien mas-sapport meħtieġ u s-servizzi meħtieġa mill-komunita’.
Monsinjur Azzopardi kellu mħabba kbira lejn il-Madonna. Hu afda l-opra li waqqaf f’idejn il-Madonna u l-Madonna kienet verament miegħu. L-ewwel mitt lira ingħatawlu fil-festa tal-Madonna tal-Providenza. L-ewwel tlett residenti daħlu fid-Dar tal-Providenza fil-11 ta’ Frar, Festa tal-Madonna ta’ Lourdes u kien fit-13 ta’ Mejju Festa tal-Madonna ta’ Pompej meta l-Mulej sejjaħlu biex jingħaqad miegħu u ma’ ommu Marija fis-sema għal dejjem. Għalhekk fl-anniversarju ta’ għeluq il-mitt sena mit-twelid ta’ Dun Mikiel, xieraq li nitolbu lill-Madonna tkompli tgħinna ħalli l-ħidma li beda Dun Mikiel tkompli miexja ‘l quddiem, kif nixtiquha.