L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Fl-Evanġelju nsibu diversi mumenti meta n-nies jistaqsu lil Ġesù; ġieli b’interess, ġieli b’sens ta’ polemika, u ġieli biex jonsbuh. Imbagħad hemm mumenti meta Ġesù nnifsu jagħmel mistoqsija. Hawnhekk fir-rakkont rajna lil Ġesù li jagħmel żewġ mistoqsijiet lill-għorrief tal-liġi u lill-Fariżej. Tolqtok kif l-Evanġelju jgħid li għal dawn il-mistoqsijiet baqgħu siekta: “ma tkellmu xejn”, u “ma kellhomx ħila jweġbuh”.
Ma għamlux hekk għax ma fehmuhx jew għax kienu aljenati, għax l-Evanġelju jgħid fil-bidu li kienu “għajnejhom fih”. Kienu attenti għal dak li se jagħmel u għal dak li se jgħid. Imma b’li għamel u b’li qal, Ġesù ħalliehom bla kliem.
L-Evanġelju hawnhekk huwa fil-kuntest tal-polemika dwar Jum is-Sibt, li huma ma jaċċettawx li Ġesù jfejjaq jew jagħmel xi ħaġa ta’ ġid f’Jum is-Sibt. Fil-fatt, fil-kapitlu ta’ qabel dan, hemm l-istorja ta’ meta Ġesù kien fis-sinagoga u l-kap tas-sinagoga rrabja għax Ġesù għamel miraklu f’Jum is-Sibt. Li tolqtok f’Ġesù hu li qatt ma beża’ jagħmel dak li hu tajjeb anke meta rċieva kritika. Hawnhekk reġa’ għamel l-istess, u għamlu mhux biex jisfida lin-nies, imma għax qatt ma ħalla ruħu jiġi intimidat min-nies. Dejjem baqa’ jagħmel il-ġid b’fedeltà lejn il-missjoni tiegħu.
Hawnhekk il-Fariżej u l-għorrief tal-liġi baqgħu bla kliem. Kieku baqgħu bla kliem għax qed jistagħġbu u jgħożżu f’qalbhom dak li kien qed jagħmel Ġesù, kieku l-istorja hi differenti. Fil-fatt, ninnutaw dan il-kuntrast. Jekk immorru għall-ġrajja li San Luqa wkoll isemmi ta’ meta Ġesù ntilef fit-tempju, u Marija u Ġużeppi marru jfittxuh, u Marija qaltlu “ibni, għaliex għamiltilna hekk?” (Lq 2:48), u hu weġibhom “Ma tafux li jien għandi nkun f’dak li hu ta’ missieri?” (Lq 2:49), l-Evanġelju jgħid li ma fehmuhx; imma fl-istess waqt – qed jitkellem fuq Marija – hi baqgħet “tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha” (Lq 2:51). Baqgħet bla kliem, imma baqgħet tgħożż f’qalbha dak li kienet qed tara u tisma’ minn Ġesù.
Nitolbu lill-Mulej jagħtina din il-grazzja li aħna niffissaw għajnejna fuqu bi mħabba, b’qalbna miftuħa għalih, u li nagħmlu ħafna ħin bla kliem quddiemu, ngħożżu f’qalbna dak li hu jagħmel magħna, dak li hu jgħidilna, għax kif tlabna fis-salm “kbar huma l-għemejjel tal-Mulej”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju