L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Għaliex…id-dixxipli tiegħek ma jsumux?” (Mk 2:18) Din hija l-mistoqsija li għamlu lil Ġesù, kif naraw fl-Evanġelju skont San Mark, u jagħmluhielu d-dixxipli ta’ Ġwanni u l-Fariżej li kienu huma sajmin imma nnutaw li d-dixxipli ta’ Ġesù ma kinux qed isumu bħalma kienu qed jagħmlu huma. Innutaw li l-mistoqsija lil Ġesù mhijiex għaliex hu mhux qed isum, imma għax id-dixxipli tiegħu – u għalhekk b’xi mod qisu responsabbli hu – għaliex dawn mhumiex qed isumu.

L-isfond hu li dak iż-żmien kien hemm prattiċi reliġjużi – kien hemm tlieta b’mod speċjali – li kienu mifruxa kemm mal-Fariżej, mad-dixxipli ta’ Ġwanni u nies oħra; dawn kienu: it-talb, l-għoti ta’ karità, u s-sawm. L-intenzjoni ta’ dawn il-prattiċi reliġjużi kienet li bihom int tersaq aktar lejn Alla u dawn jgħinuk biex tgħix aktar il-kelma ta’ Alla. Imma maż-żmien li ġara kien li kien hemm enfasi kbira fuq li tagħmilhom – dawn huma prattiċi li għandhom isiru. Għalhekk il-Fariżej jgħidu li dawn huma liġijiet li jorbtu, għandek issegwihom; u nies oħra li dawn huma drawwiet li għandek tagħmilhom. Imma li ġara kien li kultant l-enfasi kienet mhux fuq għaliex qed tagħmel dil-prattika reliġjuża, x’inhi l-motivazzjoni, imma fuq li tagħmilha – għalhekk aktar fuq il-performance.

Fil-fatt nafu li Ġesù kkritika darba minnhom bl-aħrax lil min jagħmel dawn il-prattiċi reliġjużi, fosthom is-sawm – kien semma t-tlieta fil-fatt: it-talb, l-għoti ta’ karità u s-sawm – u jagħmel dawn għal wiċċ in-nies, biex jidher. Jiġifieri: titlob biex jarawk qed titlob, tagħti karità biex tidher li qed tgħin bil-karità tiegħek, u ssum biex kulħadd ikun jaf li qed issum. Ġesù kien ikkritika dawn meta magħmulin għal wiċċ in-nies (ara Mt 6:1). Kien qalilhom: il-ħlas tagħkom ġa ħadtuh min-nies, għax rawkom u qalu “kemm huma nies tajbin!”  Ġesù kien qal: meta tagħmel dawn, agħmilhom għall-glorja ta’ Alla, u għamilhom għax b’dal-mod qed tagħmel il-ġid mhux biss lilek innifsek, imma wkoll lill-oħrajn. U għax immexxi tassew mill-imħabba. Għalhekk Ġesù hawnhekk jitkellem fuq l-għarus, u l-ħbieb tal-għarus, għax il-motivazzjoni għandha tkun tassew l-imħabba u dak li nagħmlu nagħmluh għall-Mulej u mhux għalina nfusna.

Araw x’differenza meta jkollna din il-viżjoni ta’ Ġesù, anke fl-affarijiet li huma prattiċi reliġjużi bħas-sawm, per eżempju. Inti ma ssumx biex tieħu pjaċir li qed issum, jew inkella biex lil kulħadd tgħid li qed issum, jew tidher li qed issum – qisek qed tagħmel xi ħaġa tajba u tixtieq li kulħadd ikun jaf biha. Imma s-sawm jgħinek biex tersaq aktar lejn Alla u biex ikabbar l-imħabba tiegħek lejn Alla u lejn l-oħrajn. Is-sawm, li hu dixxiplina tagħna nfusna, jgħinna f’dan. Dak li għandu jmexxina hu proprju l-imħabba lejn Alla u l-glorja tiegħu, u li dak li nagħmlu nagħmluh tassew immexxijin minn din l-imħabba. 

Dan hu l-ġdid li jrid jenfasizza Ġesù fil-ħajja tagħna. Għalhekk hu jitkellem hawnhekk ukoll fuq kif il-ġdid li ġab hu mhux sempliċiment qisha xi ħaġa li tapplika fuq mentalita qadima. Isemmi kif int ma traqqax mantar qadim b’biċċa drapp ġdida, għax inkella r-roqgħa ġdida ssellet il-qadim u t-tiċrita tikber (ara Mk 2:21). U l-istess jgħid: ma tqigħedx l-inbid il-ġdid f’damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella l-inbid il-ġdid jifqa’ d-damiġġani (ara Mk 2:22). Qed jgħid Ġesù: il-ġdid li ġab hu mhux sempliċiment xi ħaġa li qisek tapplikaha – tkompli għaddej bil-mentalita qadima u tapplika xi ħaġa ġdida fuqha. Mhix hekk. Ġesù jrid li l-qalb tagħna tkun imġedda b’din l-imħabba. Għalhekk il-prattiċi reliġjużi ma jsirux biss għax huma drawwiet, u nagħmluhom għax drawwiet, imma nafu li permezz tagħhom aħna  qed nagħtu glorja lil Alla, nersqu aktar lejh, nimtlew aktar bl-imħabba tiegħu u nuru din l-imħabba lejn l-oħrajn.

Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati bil-kelma tiegħu, biex aħna jkollna f’qalbna din l-imħabba tiegħu u dal-ġdid li hu jrid iġib f’ħajjitna, biex dak li nagħmlu nagħmluh għall-glorja tiegħu, bl-ispirtu tiegħu, u għall-ġid tal-oħrajn b’ħafna mħabba kif għallimna hu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju