• ***

    Direttur:          Amma Asante
    Atturi:             Gugu Mbatha-Raw, Tom Wilkinson, Miranda Richardson, Penelope Wilton, Sam Reid, Matthew Goode u Emily Watson
    Ħin tal-film:    104 min
     
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12A

    Dido Elizabeth Belle, tifla lleġittima ta’ uffiċjal għoli fil-Flotta Ngliża, tinġieb l-Ingilterra minn missierha biex titrabba  taħt il-kura ta’ zijuha, William Murray,  Konti ta’ Mansfield, f’dar kbira imponenti ġewwa Londra magħrufa bħala Kenwood House. Dido kienet ta’ razza mħalta. Meta ommha mietet, il-missier ħass id-dmir li jieħu ħsiebha hu. Il-fatt li kien ikun spiss barra l-pajjiż,   ħass il-bżonn li jħalli t-trobbija ta’ din it-tifla għand zijuh u martu. Lord Mansfield kien il-Prim Imħallef tal-Ingilterra u Wales.  Sfortunatament minħabba li Dido kienet ta’ razza mħallta u tifla lleġittima, għalkemm ġiet aċċettta bi mħabba kbira u mrobbija b’għozza kbira, iżda d-drawwiet soċjali f’dak iż-żmien kienu jagħmluha barranija fejn jidħlu attivitajiet formali u soċjali.  L-imħabba ġenwina li żviluppat bejn Dido u l-kuġina tagħha Elizabeth kienet ta’ aħwa u  mhux kuġini. Meta Dido daħlet fid-dar ta’ Lord Mansfield kellha biss ftit  snin. Maż-żmien kibret fi tfajla ħelwa u ntelliġenti ġewwa familja aristokratika. Meta Dido  tefgħet għajnejja u mħabbitha  fuq avukat żagħżugħ, John Denver, dan xejn ma għoġob lil Lord Mansfield għax ħass li Denver ma kienx ta’ l-istess qagħda tagħhom. Biex tkompli tagħmilha iktar diffiċli, Denver kien mgħoti kollu kemm hu biex jara li bejn il-bojod u s-suwed jkun ugwaljanza. Sadanittant, Lord Mansfield kellu f’idejh każ jaħraq fuq appell li kumpanija tas-sigurta` għamlet kontra kumerċjanti meta dawn  talbu kumpens għal tagħbija li ntefgħet –il baħar. Din it-tagħbija  kienet  tikkonsisti fi skjavi li  kollha għerqu. Skuża banali u każ ċar li riedu jiffrodu lill-kumpanija tas-sigurta`.

    Film Brittaniku nspirat minn  pittura ta Dido u l-kuġina tagħha Elizabeth, ikkummissjonata fl-1779 minn  Lord Mansfield. Joħroġ tajjeb id-differenzi li kienu jeżistu bejn il-bojod u s-suwed jew dawk ta’ razza mħalta, f’soċjeta li ftit li xejn kienet tqishom bnedmin. Ir-ramifikazzjonijiet li ħarġu wara l-massakru magħruf bħala Zong  u s-sentenza li ngħatat minn Lord Mansfield kienu l-ewwel pass biex iġib fix-xejn, l-iskjavitu ġewwa l-kolonji Ngliżi. Minħabba t-tema tal-film, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena iżda persuni ta’ eta` iżgħar jistgħu jarawh jekk ikunu akkompanjati minn xi adult.