“Benedittu, ħabib fidil tal-Għarus, jalla l-hena tiegħek ikun sħiħ xħin tisma’ darba għal dejjem il-leħen tiegħu!”. Hekk għalaq l-omelija tiegħu l-Papa Franġisku fil-quddiesa tal-funeral ta’ Benedittu XVI, li ntemmet ftit tal-ħin ilu.
Fil-preżenza ta’ mijiet ta’ saċerdoti konċelebranti u eluf ta’ fidili kemm quddiem il-Bażilika ta’ San Pietru u kemm minn madwar id-dinja kollha, il-quddiesa ppreseduta mill-Papa kienet iċċelebrata mill-Kardinal Giovanni Battista Re, Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali. Fil-funeral fi Pjazza San Pietru kkonċelebra l-Arċisqof Charles Scicluna f’isem il-Konferenza Episkopali Maltija, u attendew bosta kapijiet ta’ stati u monarki.
Fl-art, it-tebut sempliċi tal-Papa emeritu, kif sempliċi hu stess xtaq li tkun il-liturġija tal-quddiesa tal-funeral tiegħu, li fi tmiemu saret id-difna fil-kripta tal-Bażilika tal-Vatikan, mhux wisq bogħod mill-fdalijiet tal-ewwel Papa, San Pietru.
L-arja kiesħa u tqila, u l-koppla tal-Bażilika moħbija fiċ-ċpar, imma l-qlub tal-fidili msaħħna bi mħabba u stima kbira għall-Papa għaref u qaddis li mexxa l-Knisja għal 8 snin, u fl-2013 ħalla lid-dinja ssummata bid-deċiżjoni kuraġġjuża li jabdika mit-tron ta’ Pietru minħabba dak li hu sejjaħlu “nuqqas tas-saħħa fir-ruħ u l-ġisem”. Fl-aħħar snin, fil-fatt, magħluq fis-skiet kontemplattiv tal-Monasteru Mater Ecclesiæ fil-ħitan tal-Belt tal-Vatikan, rajna s-saħħa tal-Papa emeritu tmajna dejjem iżjed.
L-omelija tal-Papa Franġisku lil Benedittu XVI issemmih darba b’ismu, imma titkellem mill-bidu sal-aħħar fuq il-kwalitajiet tiegħu ta’ ragħaj bħal dawk ta’ Kristu, fl-għotja sħiħa ta’ ħajtu għall-Knisja u għall-umanità.
L-aħħar kelmiet ta’ Ġesù fil-Vanġelu (Lq 23:46) mxandar ftit qabel, dak tal-mewt fuq is-Salib, qal il-Papa li pprietka bilqiegħda minn fuq is-sedja u liebes kappa ħamra, huma konferma ta’ “dak li kkaratterizza l-ħajja kollha tiegħu: għotja sħiħa u kontinwa f’idejn Missieru”. L-idejn ta’ Ġesù kienu “idejn ta’ ħniena u ta’ kompassjoni, ta’ fejqan u ta’ ħniena, idejn ta’ dilka u barka”, imma wkoll “idejn miġruħa li jinfetħu u ma jieqfu qatt jingħataw, biex aħna nistgħu nagħrfu l-imħabba li Alla għandu għalina u nemmnu fiha”.
Fl-omelija qasira u puntwali tiegħu l-Papa nqeda bi kliem espressiv biex tkellem dwar il-kwalitajiet sbieħ tar-ragħaj, li tassew jerħi ruħu f’idejn il-Mulej “sa ma fih iħabbtu l-istess sentimenti ta’ Kristu Ġesù”. Wieħed seta’ jifhem li Franġisku kien qed jirriferi kontinwament għall-predeċessur tiegħu xħin semma d-“dedikazzjoni grata ta’ servizz lill-Mulej u lill-Poplu tiegħu”.
Għal tliet darbiet Franġisku kkwota lil Benedittu, magħruf bħala t-teologu għaref li l-Papat tiegħu kien ikkaratterizzat minn maġisteru għani b’tagħlim ċar u profond, hekk li hemm min diġà qed jipprevedi li għad ikun magħdud fost id-Dutturi tal-Knisja. F’eku ta’ dak li konna rajna fil-funeral ta’ Ġwanni Pawlu II 18-il sena ilu, kartellun fi Pjazza San Pietru dalgħodu kellu fuqu l-kliem “Santo subito”.
“Tirgħa jfisser tħobb, u tħobb ifisser ukoll tkun lest li tbati. Tħobb ifisser: tagħti lin-nagħaġ il-veru ġid, l-ikel tal-verità ta’ Alla, tal-kelma ta’ Alla, l-ikel tal-preżenza tiegħu”, kien qal Benedittu fil-quddiesa tal-inawgurazzjoni tiegħu fl-24 ta’ April 2005. Dan kien kliem li kkaratterizza l-pontifikat tiegħu, b’“dik il-ħlewwa li kapaċi tifhem, tilqa’, tittama u tirriskja lil hemm mill-inkomprensjonijiet”, żied il-Papa Franġisku.
Ir-ragħaj, kompla, hu dak li jiddedika ruħu fit-talb għall-poplu tiegħu, biex hekk “bħall-Imgħallem, jerfa’ fuq spallejh it-taħbit tal-interċessjoni u l-piż tad-dilka għall-poplu tiegħu, speċjalment hemm fejn it-tjieba jkollha titqabad u l-aħwa jaraw mhedda d-dinjità tagħhom”.
“It-tiftix appassjonat biex iwassal il-ġmiel u l-ferħ tal-Vanġelu” iseddaq lil kull ragħaj fix-“xhieda għammiela ta’ dawk li, bħal Marija, jibqgħu b’ħafna modi f’riġlejn is-salib, f’dik il-paċi mnikkta imma qawwija li ma tagħmilx vjolenza u lanqas tjassar taħtha; u fit-tama determinata imma paċenzjuża li l-Mulej għad iwettaq il-wegħda tiegħu, kif kien wiegħed lil missirijietna u lil nislu għal dejjem”.
Huma kollha kwalitajiet li kjarament kien imżejjen bihom Benedittu XVI, u li mlewh bil-fidi u s-saħħa biex ikompli jwettaq il-missjoni tiegħu mqar qalb l-isfidi li kellu jħabbat wiċċu magħhom, anki tul il-pontifikat tiegħu.
Lejn tmiem l-omelija Franġisku stieden lill-komunità ekkleżjali biex tafda “lil ħuna f’idejn il-Missier”. Huwa awgura li “dawn l-idejn ta’ ħniena jsibu l-musbieħ tiegħu mixgħul biż-żejt tal-Vanġelu, li hu sawwab u ta xhieda tiegħu matul ħajtu”.
Fi kwotazzjoni mill-isbaħ mir-Regola pastorali ta’ San Girgor il-Kbir, il-Papa Franġisku fakkar li Benedittu kien konxju li “Ragħaj ma jistax iġorr waħdu dak li, fir-realtà, qatt ma seta’ jerfa’ waħdu u, għalhekk, jaf jintelaq fit-talb u l-għożża tal-poplu fdat lilu”.
“Bħan-nisa tal-Vanġelu ħdejn il-qabar”, kompla l-Papa bi kliem ta’ mħabba għall-predeċessur tiegħu, “aħna ninsabu hawn bil-fwejjaħ tal-gratitudni u d-dilka tat-tama biex nuruh, għal darb’oħra, li l-imħabba li ma tintemmx; dan irridu nagħmluh bl-istess dilka, għerf, delikatezza u dedikazzjoni li hu għaraf isawwab fuqna matul is-snin”.
Emozzjonanti l-kant tal-Magnificat, il-kantiku ta’ tifħir ta’ Marija għall-ħwejjeġ kbar li Alla għamel magħha, fi tmiem il-quddiesa, hekk kif it-tebut ġie merfugħ biex jiddaħħal fil-Bażilika għall-aħħar riti qabel id-difna. Xi demgħa fl-għajnejn ma naqsitx, hekk kif anki l-Papa Franġisku ta l-aħħar tislima lill-predeċessur tiegħu billi resaq imiss it-tebut li twaqqaf quddiemu, baxxa rasu u talab fis-skiet.
Fl-ilsien ta’ art twelidu li tant ħabb, “Danke Papst Benedikt”!
“L-aħħar kliem ta’ Benedittu għandu jkun il-programm ta’ ħajjitna” – L-Arċisqof
L-Arċisqof Charles Scicluna wara l-funeral tal-Papa Emeritu Benedittu XVI fil-Pjazza San Pietru f’Ruma f’kummenti li ta lil Newsbook.com.mt sostna li “l-aħħar kliem ta’ Benedittu qabel ma miet – ‘Ġesù jiena nħobbok’ – għandu jkun il-programm ta’ ħajjitna”.
Żied jgħid li Ġesù jagħmel il-mistoqsija – sewwasew “Imma inti tħobbni?” – lil kull wieħed u waħda minna u mhux biss lil Pietru jew lir-rgħajja tal-Knisja. U aħna, issokta jgħid, “inħobbu ’l xulxin fil-proxxmu tagħna”.
Mons. Scicluna saħaq ukoll li “qalbna għandna għax titfawwar bi gratitudni kbira talli l-Mulej laqqagħna ma’ bniedem ta’ umiltà, ta’ għerf, ta’ mħabba kbira, anke lejn Ġesù u lejn il-Knisja.”
L-Arċisqof stqarr ukoll ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet illi huwa u jsellem lill-Benedittu VXI jiftakar f’dak illi kien qalilna meta ġie fostna fl-2010 meta faħħar lil Malta għall-għożża fil-familja u tal-ħajja – mit-tnissil sal-mewt.
“Jalla dak il-messaġġ profetiku u attwali tal-Papa Benedittu jinżel fil-qalb tagħna u nsarrfuh fil-prattika,” temm jgħid Mons. Scicluna.
“Li għamel Benedittu mhux kapaċi jagħmlu kulħadd” – Sr Ramona Privitelli
F’kummenti li tat lil Newsbook.com.mt minn Pjazza San Pietru wara tmiem il-funeral is-Soru tal-Karità Sr Ramona Privitelli stqarret li l-pontifikat ta’ Papa Benedittu XVI ftit li xejn kien affettwa l-vokazzjoni tagħha għax matul id-dixxerniment tagħha ma kinitx għadha daqstant sensittiva għall-kitbiet tal-Papiet.
Madankollu żiedet tgħid li matul il-mixja reliġjuża tagħha impressjonat ruħha bil-kbir bir-riżenja tiegħu minn Papa. “Laqtitni ferm l-umiltà tiegħu matul l-għaxar snin li baqa’ jitlob fis-silenzju għall-bżonnijiet tal-Knisja. Meta tirrifletti dwar din il-ħaġa tinduna li mhix daqstant ovvja”.
Privitelli żiedet tgħid li żgur mhux kulħadd kapaċi jirreżenja minn pożizzjoni għolja għax jinduna li l-fraġilità tiegħu mhix se tħallih ikompli jaħdem.
“Ngħid għalija din inħossha tagħlima kbira għall-ħajja tiegħi u għall-futur illi l-Mulej qiegħed jistenna minni,” temmet tgħid Sr Privitelli.
Sors: Newsbook Malta