Il-Kardinal Sean Brady, President tal-Konferenza tal-Isqfijiet Irlandiżi, u Mons Diarmuid Martin, Arċisqof ta’ Dublin, se jkunu Ruma fil-jiem li ġejjin biex jiltaqgħu mal-Papa. L-għan tal-laqgħa se jkun “biex jaqsmu informazzjoni u evalwazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni ta’ uġigħ għall-Knisja fl-Irlanda wara l-aħħar pubblikazzjoni tar-Rapport tal-Kummissjoni Murphy”.

L-aħbar ngħatat mid-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, Patri Federico Lombardi li qal “nista’ nikkonferma li l-Papa stieden lill-Kardinal Brady u lill-Arċisqof Martin, għal laqgħa f’Ruma nhar il-Ġimgħa li ġej”.

L-uffiċjali responsabbli mid-dekasteri tal-Kurja ta’ Ruma b’kompetenza f’dal-qasam ukoll se jattendu għal-laqgħa, kif se jagħmel ukoll in-Nunzju tal-Irlanda.

Ir-rapport Murphy dwar l-abbużi sesswali fuq it-tfal fl-Arċidjoċesi ta’ Dublin kienu ppubblikati riċentament fuq is-sit internet tad-Dipartiment Irlandiż tal-Ġustizzja (www.justice.ie). Jiffoka fuq kif il-ġerarkija tal-Knisja Kattolika u l-awtoritajiet statali wieġbu għall-akkużi ta’ abbuż sesswali għal atti kommessi minn 46 saċerdot bejn l-1975 u l-2004.