Unborn child

Proposta fis-Senat Taljan għandha l-għan li twassal għal rikonoxximent tad-drittijiet ta’ dawk mhux imwielda, b’affermazzjoni li kull ħlejqa umana għandha rikonoxximent ġuridiku mill-mument tal-konċepiment.

L-abbozz tfassal minn Carlo Casini, President tal-Moviment favur il-Ħajja u membru tal-Parlament Ewropew, u bl-appoġġ ta’ mexxejja tal-Parlament Taljan Maurizio Gasparri, Gaetano Quagliarello u Laura Bianconi. Il-miżura kienet preżentata l-Ħamis.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Gasparri spjega li dan mhux attentat biex tinkiteb mill-ġdid il-liġi attwali dwar l-abort fl-Italja, imma biex jinżammu u jkunu rispettati l-intenzjonijiet oriġinali wara l-liġi.

Huwa kompla jgħid li l-abbozz ikun jipprojbixxi misinterpretazzjoni tal-liġi “sal-punt li jiċħad lit-tarbija, fl-istadju li tkun konċputa, id-dinjita umana tagħha, kif ukoll l-użu tal-abort bħala kontraċettiv; żewġ kundizzjonijiet li l-liġi tirrifjuta”.

Casini qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet kattoliċi Zenit li l-abbozz jittratta “l-progress fil-kultura ġuridika”. Saħaq li r-rikonoxximent tad-drittijiet tat-tarbija mhux imwielda “hu appoġġ aktar konkret, b’saħħtu u dejjiemi għad-drittijiet ta’ kulħadd”.