• Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Konkatidral ta’ San Ġwann

    18 ta’ Ġunju 2017

    “Mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, imma b’dak kollu li joħroġ minn fomm il-Mulej” (Mt 4, 4), b’dan jgħix il-bniedem.

    Fid-dinja tal-lum dawk li jissejħu bread and butter issues donnhom jiddeċiedu l-aġenda u l-prijoritajiet ta’ ħafna pajjiżi. Wara kollox b’realiżmu kbir, l-istess Ġesù għallimna nitolbu “ħobżna ta’ kuljum agħtina llum”. F’din it-talba li aħna nirrepetu llum, qegħdin nitolbu lill-Mulej żewġ barkiet kbar. L-ewwel nett ir-risposta konkreta għal kwistjonijiet ta’ kif se ngħix, x’se niekol u x’se nilbes, biex ma nkomplux ngħidu x’jott se jkolli, kemm se jkun kbir is-swimming pool u kemm se jkollha horse power il-karozza, għax donnu anke dawn l-affarijiet saru bread and butter issues.

    Fil-festa solenni tal-Ewkaristija, l-ewwel talba tagħna hija li aħna nkunu mezz biex ikun assigurat lill-umanità kollha, il-ħobż neċessarju għall-għejxien.

    Lill‑Mulej nitolbuh biex jipprovdilna dan kollu anke għaliex hu, meta ra l-folla bil-ġuħ ipprovdilha l-ikel materjali. Lid-dixxipli li staqsewh “imma aħna kif se nitimgħu folla kbira daqshekk?”, “itimgħuhom intom” qalilhom (ara Mk 6, 37). Ma kienx qed jgħid għall-ikel spiritwali imma għall-ikel konkret, materjali, dak li jtaffi l-ġuħ ta’ din id-dinja.

    Allura fil-festa solenni tal-Ewkaristija, l-ewwel talba tagħna hija li aħna nkunu mezz biex ikun assigurat lill-umanità kollha, il-ħobż neċessarju għall-għejxien. B’xi mod huwa veru dak li jgħidu l-għorrief primum vivere deinde filosofare biex ma ngħidx ukoll teologare. Imma nkunu riduttivi u jkollna perspettiva fqira wisq jekk aħna ma nifhmux il-kelma tal-Mulej fid-Dewterenomju li Ġesù jindirizza wkoll lil Satana waqt il-mument tat-tentazjonijiet: “mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem imma minn dak kollu li joħroġ b’fomm il-Mulej, b’dan jgħix il-bniedem”.

    Biex jikkonferma dan it-tagħlim Ġesù stess, fil‑kapitlu 6 fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, dak li qrajna llum, mhux mingħajr polemika meta jitkellem fuqu nnifsu bħala l-ħobż niżel mis-sema, jgħid “dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema, dan mhuwiex bħalma kielu missirijietkom u mietu, min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem” (ara Ġw 6, 50-51).

    Allura mill-bread and butter issues ngħaddu għas-sinifikat profond tal-ġest ta’ Ġesù awlillejl qabel ma bata, li jagħtina ġismu u demmu bħala ikel u xorb. U l-għażla tiegħu tal-ħobż u l-inbid bħala l-materja għal dan is-sagrament l-elementi li bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, jiġu ttrasformati fil-ġisem tiegħu u fid-demm tiegħu. Aħna, f’kull quddiesa fil-proċessjoni offertorjali ntellgħu l-ħobż u l-inbid, b’xi mod intellgħu our bread and butter issues u nżidulhom naqra alkoħol għax dak ma jtlellifx anzi jferraħ qalb il-bniedem tgħid l-Iskrittura, kollox bil-qies.

    Imma dawk il-bread and butter issues il-Mulej jittrasformahom fih innifsu biex jgħidilna li l-ħajja, bil-perspettiva talbread and butter issues biss mhux biss hija riduttiva, imma fqira, m’għandhiex iżjed il-perspettiva tad-destin aħħari tal-bniedem li huwa l-ħajja ta’ dejjem.

    “Jiena hu l-ħobż ħaj li niżel mis-sema, jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix” mhux jgħix issa, jgħid Ġesù, mhux jgħix kuntent, “jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja” (v. 51). Mela aħna u nqimu l-misteru mbierek, qaddis tal-Ewkaristija, tal-ġisem u d-demm ta’ Ġesù, ejjew nitolbu li aħna bħala individwi, bħala ċittadini, bħala soċjetà, ningħataw l-għerf li ma niqfux u ma nkejlux ħajjitna fuq il-bread and butter issues imma jibqa’ jkollna l-perspettiva li jixtieq jagħtina Ġesù bid-don tal-Ewkaristija, il-ħajja ta’ dejjem, il-ħajja li fl-art tagħmlek nies u fl-eternità tkun beatu mal-qaddisin.

    “Int li taf u tista’ kollox,

    li titmagħna hawn f’dil-ħajja,

    hemm fil-ġenna, agħmilna lkoll imsieħba,

    f’għaqda waħda lkoll werrieta

    mal-qtajjiet tal-qaddisin” (Sekwenza).

     Charles J. Scicluna                                                          

         Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja