L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”. Din kienet it-tislima tal-anġlu Gabrijel li għadna kif smajna fl-Evanġelju skont San Luqa, fir-rakkont ta’ meta l-anġlu deher lil Marija biex iħabbrilha li se ssir omm Ġesù. L-Evanġelju jgħid xi ħaġa li żgur tolqotna: li kif qal din it-tislima, Marija “tħawdet ħafna”. It-tislima kienet tislima sabiħa, fost l-isbaħ tislimiet li tista’ tagħmel, imma Marija, kif semgħetha, tħawdet ħafna.

Għax tħawdet Marija? Għax Marija ma kinitx imkabbra biha nnifisha. Kienet umli, u ma setgħetx tifhem dak li l-anġlu qalilha: “mimlija bil-grazzja”. Għalhekk tħawdet: xi jrid jgħid biha l-anġlu? Innutaw li hi tħawdet mat-tislima. Kien għadu ma qalilhiex l-Aħbar il-kbira li se ssir omm Ġesù, bin Alla. Jekk tħawdet meta semgħet din it-tislima, u tħawdet ħafna, ara kemm tħawdet aktar u kkonfondiet meta qalilha li se ssir omm Ġesù, bin Alla.

L-isbaħ attitudni ta’ tħejjija għall-Milied hi dik ta’ Marija meta nħarsu lejha, u nieħdu l-eżempju tagħha ta’ disponibbiltà biex tilqa’ lill-Mulej, ta’ dan il-bieb miftuħ f’ħajjitha biex il-Mulej ikun jista’ jiġi

Din kienet għaliha bħal sajjetta fil-bnazzi. Imma Marija kellha din l-attitudni f’qalbha li taċċetta lil Alla, disponibbiltà biex taċċetta r-rieda tiegħu f’ħajjitha. Għalhekk, hi ma fehmitx, ma fehmitx kollox żgur, imma l-mistqosija li għamlet lill-anġlu ma kinitx għax hi ma emmnitx, imma kienet mistoqsija għax ma setgħetx tifhem kif hi se tidħol f’din il-biċċa xogħol, speċjalment li se jkollha iben, meta hi ma għamlet xejn biex ikollha iben. Imma meta fehmet li dan kien il-pjan ta’ Alla, imbagħad aċċettat u qalet: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”.

Naqraw dan ir-rakkont ftit ġranet qabel il-Milied. Fil-Milied niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù, u f’dan ir-rakkont niċċelebraw it-tnissil ta’ Ġesù mal-kliem ta’ Marija li aċċettat li ssir omm Ġesù. Hemm rabta, li dejjem issir kull sena, bejn it-tnissil u t-twelid. Ma hemmx twelid mingħajr tnissil. Dan ir-rakkont ifakkarna li jekk ftit ġranet oħra niċċelebraw lil Ġesù li twieled, il-ħajja tiegħu bdiet mat-tnissil f’din is-silta li għadna kemm smajna.  

Dan il-kliem lilna jagħmlilna ħafna kuraġġ u hu ta’ għajnuna għall-ħajja tagħna. Jgħinna niftakru li l-isbaħ attitudni ta’ tħejjija għall-Milied hi dik ta’ Marija meta nħarsu lejha, u nieħdu l-eżempju tagħha ta’ disponibbiltà biex tilqa’ lill-Mulej, ta’ dan il-bieb miftuħ f’ħajjitha biex il-Mulej ikun jista’ jiġi. Aħna wkoll, bħal Marija, ġieli ma nifhmux x’qed jiġri, u jkollna ħafna mistoqsijiet, imma l-isbaħ attitudni hi dik li jkollna f’qalbna d-disponibbiltà li nilqgħu r-rieda ta’ Alla. Hekk kienet it-talba li għamilna fil-bidu, li bl-istess umiltà tagħha, naċċettaw ir-rieda ta’ Alla f’ħajjitna, u nkunu lesti dejjem li nilqgħuh. Dan ikun l-aħjar mod kif inħejju ruħna għall-festa tal-Milied.

Nitolbu lill-Mulej illum, aħna u nħarsu lejn Marija, li nieħdu l-eżempju tagħha; u nitolbu wkoll lilha ħalli tgħinna ħalli bħalha jkollna din id-disponibbiltà biex naċċettaw ir-rieda ta’ Alla, u niftakru li l-isbaħ tħejjija għall-Milied hu proprju jekk f’ħajjitna lil Alla nżommulu dan il-bieb miftuħ.