“Dan hu l-irxoxt tagħna… meta nitgħallmu nagħrfu l-ħajja, li l-ħajja clean (bla droga) tagħtina sodisfazzjon iktar mill-ħajja bid-droga… il-konsegwenzi tad-droga koroh wisq… itellgħuk… itellgħuk fuq il-kalvarju”.

Hekk qal lil IL-ĠENSILLUM online Matthew (l-ismijiet huma fittizji biex titħares l-identità tal-persuni), żagħżugħ ta’ 22 sena li bħalissa qiegħed jagħmel il-programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga f’San Blas. L-istess bħal Mark, li hu tampar Matthew u li wkoll qiegħed fuq dan il-programm, għal numru ta’ snin, il-ħajja kienet appuntu kalvarju, li fiha, issa, xaqq id-dawl tal-‘qawmien’.

Il-kalvarju u l-qiegħ ta’ Mark…

“It-tfulija tiegħi ma tantx kienet sabiħa. Missieri kien kriminal, spiss il-ħabs. Qatt ma kien preżenti d-dar. Dejjem bil-ġlied id-dar. Kellna ħafna tbatija, swat… ninkwieta għal ommi…” irrakkonta Mark, waqt li spjega li hu tilef lil missieru meta kellu għaxar snin.

Is-solitudni fil-familja kienet replikata fl-ambjenti kollha fejn kien ikun: “Jien dejjem ħassejtni ‘ma tantx niffittja’; differenti minn tfal u żgħażagħ oħrajn. Spiss ħassejtni ġġudikat minn sħabi… għax it-tifel ta’dak. Ħassejt li m’għandix x’nitlef fil-ħajja, u għalhekk ma niddejjaqx nirriskja… la m’għandi xejn x’nitlef, u nħossni waħdi”.

Fi żmien xahar, meta kellu madwar 16-il sena, ipprova tista’ tgħid kull forma ta’ droga. Beda bl-ecstasy u joint tal-ħaxixa u spiċċa bl-eroina.

“Għedt din hi d-droga tiegħi, għax tnessini kollox… niġi I dont care, tajjeb miegħi nnifsi. Biss, l-eroina hi downer, jiġifieri tagħmlek down, u spiċċajt b’dipressjoni”.

Minħabba d-droga, tilef it-tfajla li kellu, l-impjieg bħala machine operator ma’ kumpanija rinomata u miegħu ċ-ċans ta’ promozzjoni, biegħ il-karozza u nfexx f’serq – karozzi, djar, handbags u d-dar tal-familja.

“Iktar minn darba ppruvajt nagħmel suwiċidju. Iktar minn darba spiċċajt Mount Carmel, u iktar minn darba spiċċajt fis-seclusion (kamra żgħira b’daqs ta’ sitt piedi b’sitt piedi b’toqba’ fl-art fejn dak li jkun ma’ jista’ jdaħħal xejn minħabba r-riskji li dawn jintużaw biex dak li jkun jagħmel suwiċidju, u minn fejn jekk dak li jkun iġib ruħu sew joħroġ siegħa filgħodu u siegħa filgħaxija). Tal-familja spiss kienu jgħiduli se nkeċċuk, imma qatt ma immaġinajt li kienu se jaslu.

AGĦFAS HAWN BIEX TKOMPLI TAQRA DAN L-ARTIKLU FUQ IS-SIT www.il-gensillum.com