Bil-Kelma t-tajba – Is-Sibt 8.10.2011fuq One TV fit-3.30pm b’repetizzjoni l-Ħadd fis- 7.30am.
Bil-Kelma t-Tajba jirritorna fl-iskeda ġdida ta’ programmi fuq ONE TV minn nhar is-Sibt 8 t’Ottubru fit-3.30pm b’ripetizzjoni l-Ħadd fis-7.30 ta’ filgħodu. F’dan l-ewwel programm, li ser jixxandar mill-istudio ta’ ĊAM Productions International, il-preżentatur Edward Wright se jkollu miegħu grupp ta’ adoloxxenti subien u bniet u flimkien magħhom ser jiddiskuti xi valuri li joħorġu mill-Vanġelu tat-28 Ħadd matul is-Sena Liturgika. Dan wara li l-Vanġelu jkun ġie mogħti lit-telespettaturi fil-forma ta’ dramm ċkejken maħdum minn tfal . Fil-programm wieħed se jkun jista’ jsegwi wkoll features oħra mill-aktar interessanti dwar dettalji fil-Vanġelu li min jaf kemm-il darba smajnihom bla ma staqsejna xi jfissru u għalfejn jissemmew. Il-programm ser jispiċċa b’esperjenza ta’ persuna li tgħix fil-prattika tal-ħajja ta’ kuljum il-valuri li jkunu ġew trattati fil-programm. F’dan l-ewwel programm il-Vanġelu jdur madwar il-parabbola tal-ikla tat-tieġ li wieħed sultan organizza għal ibnu. U għalhekk il-feature “Kurżita” tal-bidu se jkun dwar kif kienet issir ikla ta’ tieġ fi żmien Ġesu’ u xi tradizzjonijiet marbutin magħha. Żgur li dan il-programm ser igħin lil kull min jarah b’widnejn u qalb miftuħa, biex jaħseb u jixtarr il-valur u s-sinifikat tal-Kelma t’Alla fil-ħajja ta’ kuljum u għalhekk isib sens ġdid fost it-taħbit kollu li tagħtina l-ħajja. Produzzjoni ta’ ĊAM Productions international taħt id-direzzjoni ta’ Fr Louis Mallia mssp.