-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna -
Il-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina
4 ta’ Awwissu 2018Għażiż Fr Joe,
Nirringrazzjak f’isem il‑Knisja f’Malta talli aċċettajt il‑missjoni l‑ġdida li Ġesù, ir‑Ragħaj it‑Tajjeb, qiegħed jafdalek permezz tal‑Qdusija Tiegħu l‑Papa Franġisku. Nirringrazzja ’l Alla tal‑persuni kollha li wassluk għal din l‑għotja totali bħala suċċessur tal‑Appostli, bħala isqof li huwa msejjaħ jagħti ħajtu għall‑merħla. L‑ewwel ħsieb tiegħi jmur lejn l‑għeżież ġenituri tiegħek, Paul u Josette. Huma għallmuk tgħożż il‑ħajja bl‑imħabba għaliex, bħala Nsara miżżewġin eżemplari, kabbru lilek u lil ħutek fl‑għożża tal‑imħabba.
Insellem lill‑parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, Birkirkara, u l‑parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Balzan, li saru għalik matul is‑snin skola ta’ għożża u ta’ mħabba.
L‑għożża u l‑imħabba huma l‑marki distintivi u karatteristiċi ta’ kull paternità vera.
L‑għożża u l‑imħabba huma l‑marki distintivi u karatteristiċi ta’ kull paternità vera. Il‑ġest tal‑ħasil tar‑riġlejn li Ġesù għażel biex jidentifika u jesprimi l‑missjoni tiegħu huwa ġest ta’ paternità fil‑qadi u fl‑għotja tagħna nfusna: “Bin il‑bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall‑kotra” (Mt 20:28). “Wara li ħaslilhom saqajhom, libes il‑mantar u reġa’ qagħad fuq il‑mejda; u qalilhom: ‘Tafu x’għamiltilkom? Intom issejjħuli ‘l‑Imgħallem’ u ‘il‑Mulej’, u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il‑Mulej u l‑Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll. Tassew tassew ngħidilkom, l‑ilsir mhuwiex aqwa minn sidu, anqas il‑messaġġier mhu aqwa minn min jibagħtu. Jekk dawn il‑ħwejjeġ tafuhom, henjin intom jekk tagħmluhom.’” (Ġw 13, 12‑17) Din hi l‑beatitudni tal‑isqof, dan hu s‑sebħ u l‑glorja tiegħu: “Irgħu l‑merħla ta’ Alla fdata f’idejkom. Ħudu ħsiebha, mhux bilfors, imma minn qalbkom, kif irid Alla; mhux għall‑qligħ baxx, imma bil‑ħeġġa tal‑imħabba, mhux bħallikieku taħkmu bil‑qawwa fuq dawk li messewkom b’xortikom, imma billi tkunu eżempju tal‑merħla. Imbagħad, meta jidher ir‑Ragħaj il‑Kbir, tiksbu l‑kuruna tal‑glorja minsuġa minn ward li ma jidbielx.” (1 Pt 5, 2‑4)
Il‑paternità tal‑Isqof mhijiex paternità rħisa. Għandha prezz.
Il‑paternità tal‑Isqof mhijiex paternità rħisa. Għandha prezz. L‑Appostlu Missierna San Pawl jesprimi dan bi kliem imqanqal fit‑Tieni Ittra tiegħu lill‑Korintin: “Nerġgħu nibdew nirrikkmandaw lilna nfusna? Għandna bżonn aħna, bħal xi wħud, b’xhieda għalina, ittri ta’ rakkomandazzjoni għalikom jew mingħandkom? L‑ittra tagħna hi intom, miktuba fuq qlubna, magħrufa u moqrija minn kulħadd. Intom tidhru li intom l‑ittra ta’ Kristu fdata f’idejna, miktuba mhux bil‑linka, imma bl‑Ispirtu ta’ Alla l‑ħaj; mhux fuq it‑twavel tal‑ġebel, iżda fuq it‑twavel tal‑laħam ta’ qalbkom.” (2 Kor 3, 1‑3)
“Ladarba għall‑ħniena ta’ Alla aħna għandna dan il‑ministeru, ma naqtgħux qalbna; imma nwarrbu kull ħabi u għajb; u la nimxu bil‑qerq u lanqas ngħawġu l‑Kelma ta’ Alla, iżda nuru l‑verità kollha u nħallu l‑kuxjenza ta’ kull bniedem tiġġudikana hi quddiem Alla.” “Għax aħna ’l Ġesù l‑Mulej qegħdin inxandru, u mhux lilna nfusna; aħna m’aħniex ħlief qaddejja tagħkom minħabba f’Ġesù Kristu. Dan Alla li qal: ‘Ħa jiddi d‑dawl mid‑dlam,’ dak hu li idda fi qlubna biex jagħtina d‑dawl tal‑għarfien tal‑glorja ta’ Alla, li tiddi f’wiċċ Kristu. Dan it‑teżor qiegħed għandna f’ġarar tal‑fuħħar, ħalli b’hekk jidher sewwa li l‑kobor ta’ din il‑qawwa ġej minn Alla, u mhux minna. Aħna minn kullimkien ninsabu magħfusin, iżda m’aħniex mgħattnin; imħassbin, iżda ma għandniex qalbna maqtugħa; ippersegwitati, iżda m’aħniex abbandunati; mixħutin mal‑art, iżda m’aħniex meqrudin.” (2 Kor 4, 1‑2; 5‑9)
F’dan il‑kuntest wieħed japprezza iżjed is‑sejħa tal‑Appostlu li jimita lis‑Sid u lill‑Mulej tiegħu: “L‑imħabba ta’ Kristu ġġegħelna naħsbu dan: li wieħed miet għal kulħadd, mela kulħadd miet. U miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet u rxoxta għalihom.” (2 Kor 5, 14‑15)
Il‑missjoni tal‑isqof illum, il‑missjoni tiegħek, għażiż Isqof Joseph, hija li tkun sinjal ċar u veru tal‑preżenza ta’ Ġesù fost il‑poplu tiegħu.
Il‑missjoni tal‑isqof illum, il‑missjoni tiegħek, għażiż Isqof Joseph, hija li tkun sinjal ċar u veru tal‑preżenza ta’ Ġesù fost il‑poplu tiegħu. Bħalma jgħid l‑Appostlu Missierna: “Aħna nagħmluha ta’ ambaxxaturi ta’ Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejjaħ permezz tagħna, nitolbu fuq li nitolbu f’ġieħ Kristu: ‘Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu.’ Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja ta’ Alla. Ladarba qegħdin naħdmu flimkien ma’ Alla, aħna mela nħeġġukom biex ma tirċevux il‑grazzja tiegħu għal xejn. Għax hu jgħid: ‘Fiż‑żmien it‑tajjeb smajtek, f’jum is‑salvazzjoni għentek.’ Araw, issa hu ż‑żmien tajjeb, araw, issa hu jum is‑salvazzjoni!” “Aħna xejn ma nagħmlu li jista’ jkun ta’ tfixkil lil xi ħadd, biex il‑ministeru tagħna ma jaqax fl‑għajb. F’kollox inqisu ruħna bħala ministri ta’ Alla, bis‑sabar kollu fit‑tiġrib, fit‑tbatija, fid‑dieqa, fis‑swat, fil‑ħabsijiet, fit‑tixwix, fit‑taħbit, fis‑sahriet bla rqad, fis‑sawm; bis‑safa tal‑qalb, bl‑għerf, is‑sabar, bil‑ħlewwa, bi spirtu qaddis, bl‑imħabba sinċiera, bil‑kelma tas‑sewwa, bil‑qawwa ta’ Alla, bl‑armi tal‑ġustizzja fuq il‑lemin u fuq ix‑xellug, fil‑ġieħ u fl‑għajb, kemm jekk jgħidu l‑ħażin u kemm jekk jgħidu t‑tajjeb fuqna; iżommuna bħala nies qarrieqa, lilna li ngħidu s‑sewwa; bħala nies li ma jafhom ħadd, għad li kulħadd jafna; bħala nies f’xifer il‑mewt, għad li aħna ħajjin; bħala nies ikkastigati, għad li m’aħniex mogħtijin għall‑mewt; bħala nies imdejqa, għad li dejjem ferħana; bħala nies foqra, għad li nagħmlu għonja lil ħafna; bħala nies li ma għandhom xejn, għad li kollox huwa tagħna!” (2 Kor 5, 20‑21; 6, 1:10)
Fil‑Liturġija tas‑Siegħat, għall‑festi tar‑Ragħajja tal‑Erwieħ, fl‑innu tal‑Uffiċċju tal‑Qari, il‑verżjoni bil‑Latin għandna titlu sabiħ għar‑ragħajja li qdew dmirhom kif iridhom il‑Mulej: ir‑Ragħaj qaddis huwa msejjaħ Bonus Altor. Altor huwa dak il‑missier li jmantni lil uliedu b’għożża; li jmantnihom bi mħabba. L‑awgurju tiegħi u t‑talba tiegħi għalik, għażiż Isqof Joseph, huwa li inti twassal il‑bxara t‑tajba lill‑fqajrin, iddewwi l‑qalb miksura; tħabbar il‑ħelsien lill‑imjassrin, u lill‑ħabsin il‑ftuħ tal‑ħabs; tfarraġ lill‑imnikktin; tferraħ lil dawk li jibku, li b’ħajtek tniedi jum tal‑grazzja u tal‑vendetta ta’ Alla tagħna (ara Is 61, 1‑3a). It‑talba tiegħi għalik hi li inti tkun dejjem Bonus Altor: Missier twajjeb li jmantni lil uliedu bl‑għożża u bl‑imħabba.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
5 -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Is 61, 1-3a
Salm: 89
Qari II: 1 Pt 5, 1-4
Evanġelju: Ġw 13, 1-15 -
-
-
-
-
-
-
-
-
-
Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti