• Madwar 130 żagħżugħ u żagħżugħa pparteċipaw f’seminar ta’ ġurnata bl‑isem ta’ ‘Boost’, li ġie organizzat mill‑entità tal‑Knisja għaż‑żgħażagħ ‘MCYN’ (Malta Catholic Youth Network). L‑attività saret f’Esplora, iċ‑Ċentru tax‑Xjenza Interattiva, f’Bighi.

    L‑għan tas‑seminar kien li ż‑żgħażagħ ikollhom l‑opportunità jiddiskutu temi attwali u jaqsmu l‑esperjenzi ta’ kif iwasslu l‑fidi lil żgħażagħ oħra biex ikunu missjunarji tal‑Bxara t‑Tajba. Għas‑seminar attendew żgħażagħ u youth leaders impenjati fil‑Knisja minn diversi gruppi taż‑żgħażagħ f’Malta u Għawdex. Ħadu sehem ukoll żgħażagħ barranin li jgħixu f’Malta, fosthom Taljani, Ingliżi, Ukreni, Afrikani u mill‑Amerika ta’ Isfel.

    ‘Boost’ tmexxa minn Fr Fabio Attard, Salesjan li huwa impenjat fil‑pastorali taż‑żgħażagħ madwar id‑dinja. Huwa tkellem dwar l‑importanza li ż‑żgħażagħ li għamlu esperjenza ta’ fidi jaqsmu ma’ ħaddieħor dan il‑ferħ u joħolqu kultura ta’ encounter ma’ dawk li huma ’l bogħod mill‑Knisja. Fr Fabio ħeġġeġ liż‑żgħażagħ biex ma jibżgħux mill‑isfidi u jkomplu mexjin ’il quddiem, għaliex kif jisħaq il‑Papa Franġisku “iż‑żgħażagħ huma l‑preżent tal‑Knisja u mhux il‑futur”.

    Matul is‑seminar is‑saċerdot żagħżugħ Fr Giovann Tabone MSSP mexxa workshop dwar kif in‑Nisrani jista’ jwassal il‑Kelma ta’ Alla permezz tat‑talenti tiegħu.

    ‘Boost’ serva ta’ follow‑up għas‑Sinodu tal‑Isqfijiet fuq iż‑Żgħażagħ, il‑Fidi u d‑Dixxerniment Vokazzjonali, li sar f’Ottubru li għadda fil‑Vatikan. Għal dan is‑Sinodu  madwar 300 isqof minn madwar id‑dinja flimkien mal‑Papa Franġisku u għadd ta’ żgħażagħ iddiskutew l‑aspettattivi, ix‑xewqat u l‑biżgħat taż-żgħażagħ fid‑dinja tal‑lum, u l‑irwol tagħhom fil‑Knisja.

     

  • Ritratti: MCYN