-
-
Dr Sue Vella, maħtura bħala ċ-chairperson ta’ Discern
L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dr Sue Vella bħala chairperson ta’ Discern, l‑istitut tal‑Knisja għar‑Riċerka tas‑Sinjali taż‑Żminijiet.
Dr Vella hija senior lecturer fil‑Fakultà għat‑Tisħiħ tas‑Soċjetà u membru fid‑Dipartiment tal‑Politika Soċjali u Ħidma Soċjali tal‑Università ta’ Malta. Hija wkoll membru fuq bord ta’ NGO u ta’ kumpanija privata. Qabel bdiet taħdem l‑Università bħala lettur, serviet f’diversi karigi għolja mas‑settur pubbliku u tat kontribut f’diversi kumitati fuq livell nazzjonali u Ewropew. Kompliet l‑istudji tagħha fil‑London School of Economics u fl‑Università ta’ York.
L‑Arċisqof ħatar ukoll lil John Caruana, Dr Nadia Delicata, Jean Paul Fabri, Prof. Mary Anne Lauri, Michael Pace Ross u Prof. Edward Warrington bħala membri tal‑Bord tad‑Discern. Mons. Arċisqof irringrazzja lil Fr Joe Inguanez għas‑servizz li ta tul is‑snin fit‑tmexxija tad‑Discern, kif ukoll lill‑membri tal‑bord preċedenti.
Discern twaqqaf fl‑1993 bħala istitut Djoċesan biex jgħin lill‑Knisja f’Malta “teżamina s‑sinjali taż‑żminijiet u tinterpretahom fid‑dawl tal‑Evanġelju, u hekk, b’manjieri addattati għal kull ġenerazzjoni, tkun tista’ twieġeb għal dak li l‑bnedmin dejjem jistaqsu dwar is‑sens tal‑ħajja ta’ issa u tal‑ħajja li għad trid tiġi, u kif dawn għandhom x’jaqsmu ma’ xulxin” (Gaudium et Spes, 4). Dan bil‑għan li jkun ta’ servizz lill‑Knisja fil‑ħidma pastorali li twettaq fis‑soċjetà.