Caritas Malta bħala organizzazzjoni globali bil-għan li teqred il-faqar, qed tipproponi li titrawwem aktar empatija bil-volontarjat u tkun miġġielda l-istigma tas-saħħa mentali. L-organizzazzjoni qed tissuġġerixxi wkoll li ssir reviżjoni tal-mudell ekonomiku biex jiġi pprijoritizzat l-individwu u tinxteħet aktar attenzjoni fuq l-irwol tal-ambjent fil-proċess tal-qerda tal-faqar.

Fi stqarrija fil-Jum Internazzjonali għall-Faqar, imfakkar mill-Knisja Kattolika fid-19 ta’ Novembru, Caritas qalet li d-definizzjoni tal-faqar, bħalma ntqal mill-Papa Ġwanni XXII, tinkludi d-dritt għall-ħajja, l-integrità tal-ġisem, u l-ħtiġijiet essenzjali għal żvilupp xieraq, inkluż ikel, kenn, u kura medika.

Intant, il-Caritas isemmi li l-faqar jieħu diversi forom, u jaffettwa lill-individwi u lill-komunitajiet billi jċaħħadhom minn ħtiġijiet bażiċi bħall-ikel, il-kenn, l-edukazzjoni u l-paċi. “Id-disparità fid-distribuzzjoni tal-ġid tikkontribwixxi għal din il-kwistjoni, billi tipperpetwa l-perċezzjonijiet u l-ġudizzji tas-soċjetà li jxekklu lill-individwi milli jfittxu l-għajnuna,” tiddikjara Caritas Malta.

Innutat ukoll li l-klassi medja, imsejħa stretched-class kulma jmur qed tesperjenza aktar faqar minħabba l-inflazzjoni u l-kriżijiet ekonomiċi, li jwasslu għal diffikultajiet biex wieħed ilaħħaq mal-għoli tal-ħajja u jew isir sid ta’ daru.

Dan apparti każi ta’ saħħa mentali li nnutat li jistgħu jżidu l-kumplikazzjonijiet għaliex diversi individwi jaffaċċjaw kemm diffikultajiet finanzjarji kif ukoll esklużjoni mis-soċjetà ġenerali. “Il-pandemija tal-COVID-19 uriet biċ-ċar id-dinamika ġdida tal-faqar, li jirriżulta minn nuqqas ta’ interazzjonijiet wiċċ imb wiċċ, minkejja ż-żieda fil-konnettività diġitali,” fakkret Caritas Malta, li enfasizzat il-bżonn tal-ibbilanċjar tal-ħajja soċjali online u wiċċ imb wiċċ, li “huwa kruċjali għas-saħħa mentali tas-soċjetà ġenerali.”

Fid-dawl ta’ dan, Caritas Malta affermat mill-ġdid l-impenn tagħha biex tagħti tama u serħan lil dawk fil-bżonn.

Sors: Newsbook.com.mt