Il-Kelma tal-Arċisqof

Aħna ħaġa waħda ma’ Ġesù – L‑Arċisqof

Quddiesa fis-Solennità tat-Tlugħ tal-Mulej fis-Sema

  Il-Kappella tal-Madonna tal-Mirakli, Ħal Lija

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-qari tal-lum jitkellem fuq it-tlugħ tal-Mulej imma ma jitkellimx fuq it-tluq tiegħu. It-tlugħ tal-Mulej hija l-glorja ta’ Kristu Rxoxt. Fir-rakkont li għandna mill-kitbiet tal-Evanġelista San Luqa, nifhmu li biex ikun hemm xhieda tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, għal 40 jum sħaħ il-Mulej deher lid-dixxipli tiegħu jqawwihom fil-fidi li kienet dgħajfa u jagħmel minnhom xhieda tal-qawmien tiegħu mill-imwiet u tal-glorja tiegħu. Imma fl-istess ħin qed jippreparahom biex ikunu huma li jkomplu l-missjoni tiegħu fuq l-art… Kompli aqra »

“Itolbu li l-imħabba tagħkom għal Ġesù ma tinxef qatt”– L‑Arċisqof lid-djakni l-ġodda

L-ordinazzjoni djakonali ta' Sean Abela u Jean Claude Attard

  Is-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Il-Missier iħobbkom” (Ġw 16:27). Kemm huma kliem sbieħ dawn ta’ Ġesù li għadna kemm smajna mill-kapitlu 16 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann. “Il-Missier stess iħobbkom”. Ġesù jinsisti  li “Il-Missier stess iħobbkom”. Jekk niftakru f’din il-kelma ta’ Ġesù għandna biex inkomplu l-vjaġġ bl-umiltà u bil-kuraġġ. Anke intom, għeżież, li intom imsejħin għad-djakonat llum, ftakruha dejjem din il-kelma għażiża ta’ Ġesù għaliex biex ikun jista’ jgħidilna li “ma qisx tiegħu dak li kien daqs Alla […] imma tneżża’ minn kollox, sar bniedem, obda, obda sal-mewt, sal-mewt tas-salib” (Fil 2:8.9), jagħti xhieda tagħha u konferma tagħha: “Il-Missier stess iħobbkom”… Kompli aqra »

“Il-ġuf tal-omm huwa post għażiż u qaddis; fih tikber il-ħajja umana” – L‑Arċisqof

Quddiesa flimkien mas-saċerdoti novelli fil-festa tal-Madonna ta' Fatima

  Is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa

L-Evanġelji li naqraw f’dawn il-jiem iwassluna għall-festa li se niċċelebraw nhar il-Ħadd li ġej, il-festa tal-Lapsi, it-Tlugħ is-Sema tal-Mulej. F’partijiet tad-dinja qed jiċċelebrawha llum, propju fl-40 jum mill-Għid il-Kbir. L-Evanġelji jippreparawna wkoll biex 50 jum wara l-Għid, fl-Għid il-Ħamsin, niċċelebraw il-miġja tal-Ispirtu s-Santu.

Illum, f’dan is-santwarju antik, qed niċċelebraw il-festa ta’ Sidtna Marija ta’ Fatima. Madwar dan l-affresk tal-Madonna bil-Bambin, hemm l-isem tagħha ‘Mater Dei’ (Omm Alla)… Kompli aqra »

“Min jobgħod lill-bniedem, jobgħod lil Alla” – L‑Arċisqof

  Il-Kappella tal-Madonna ta' Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dawn is-siltiet mill-Evanġelju ta’ San Ġwann huma parti mid-diskors li San Ġwann jagħti; diskors twil li Ġesù jgħid qabel ma tibda l-passjoni tiegħu, dak il-jum li aħna nafuh bħala Ħamis ix-Xirka. Ġesù qed jispjega lid-dixxipli tiegħu li hemm ukoll vantaġġi b’dak li ser jiġri fuqu; ovvjament is-salvazzjoni tagħna. Din is-silta tal-Evanġelju titkellem ukoll dwar l-opportunità ta’ Ġesù, li huwa u jirritorna lejn il-Missier, ikun jista’ jibgħat lid-Difensur… Kompli aqra »

Nagħtu liż-żgħażagħ tagħna tagħlim sabiħ u mhux okkażjonijiet ta’ vizzju – L-Arċisqof

Quddiesa fil-festa ta' San Ġorġ Preca

  L-Awditorju tad-Dar Ġenerali tal-MUSEUM, il-Blata l-Bajda

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Hija ta’ grazzja kbira għalina li qegħdin noffru din il-quddiesa hawnhekk fejn hawn miġbura wkoll il-fdalijiet ta’ San Ġorġ Preca. Illum nitolbu ħafna l-interċessjoni tiegħu.

Ġorġ Preca twieled il-Belt Valletta fl-1880 u miet Santa Venera fl-1962. Ta’ tmien snin il-familja tiegħu ġiet toqgħod il-Ħamrun u hawnhekk għex il-parti l-kbira ta’ ħajtu għaliex lejn l-aħħar snin ta’ ħajtu kellu mbagħad jiċċaqlaq mid-dar għal Santa Venera… Kompli aqra »

L-Arċisqof f’Jum l-Omm: “Jekk tifhem il-qalb tal-omm, tibda tifhem il-qalb ta’ Alla”

Quddiesa f'Jum l-Omm u l-inawgurazzjoni ta' xelter għan-nisa vittmi ta' vjolenza

  Il-Knisja ta' Ġesù Nazzarenu, iż-Żejtun

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Hekk ħabbejtkom jien”. Ġesù jgħid dan il-kliem fil-jum għażiż li aħna nafuh bħala Ħamis ix-Xirka. Ftit sigħat wara din il-kelma għażiża ta’ Ġesù, hu jiġi tradut b’bewsa, arrestat, ittorturat, ikkundannat bla ħtija, u msallab. “Hekk ħabbejtkom jien. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi” (Ġw 15:9).

Illum f’Jum l-Omm ma nistgħux nitkellmu fuq l-imħabba u ma naħsbux fl-omm. L-omm b’ħajjitha, iżjed milli bi kliemha, tgħallimna x’inhi l-imħabba… Kompli aqra »

“Wasslu lill-poplu tagħna biex jemmen, jittama u jħobb” – L-Arċisqof lill-erba’ saċerdoti ġodda

L-ordinazzjoni presbiterali ta' Dun Roderick Baldacchino, Dun Joshua Cortis, Dun Jean Claude Schembri, u Patri Mark Scicluna OFM Cap

  Il-Bażilika Minuri ta' Kristu Re, Raħal Ġdid

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Fhimna tajjeb li Alla sejħilna biex immorru nxandru l-Evanġelju”. Għeżież djakni, din il-kelma tkun dejjem fuq fommkom u fil-qalb tagħkom. Bħalma jgħid Ġesù, Ifhmu sewwa li Alla hu li jagħżilkom: “Mhux intom għażiltu lili imma jien għażilt lilkom” (Ġw 15:16). Din is-sejħa hija sejħa biex tmorru u xxandru l-Evanġelju, l-Aħbar it-Tajba. Qisu li dejjem tiftakru li l-missjoni tagħkom: twasslu kullimkien l-Aħbar it-Tajba, l-Evanġelju… Kompli aqra »

Is-sliem li ma jeħodulna ħadd – L-Arċisqof

  Il-Kappella tal-Madonna ta' Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan id-diskors imqanqal hu diskors Ġesù, li jgħidu lid-dixxipli tiegħu f’Ħamis ix-Xirka. Kien jaf li se jkun ittradut, mogħti f’idejn il-ħżiena, kif jgħid hu stess, ikkundanat għal mewt l-iżjed ħarxa. Fl-istess ħin jitkellem dwar il-paċi. “Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja” (Ġw 14:27). Id-dinja twegħedna ħafna, imma meta tfittex, tfittex; kollox isirlek suf. Il-Mulej f’mument ta’ emozjoni kbira, jgħid lid-dixxipli, “Tħallux qalbkom titħawwad u lanqas titbeżża’” (Ġw 14:27), u  javżhom li ser jinfired minnhom… Kompli aqra »

“Mulej, tħallini qatt, jekk jogħġbok, ninfired minnek” – L-Arċisqof

Quddiesa fil-ħames Ħadd tal-Għid

  Il-Kappella tal-Madonna tal-Mirakli, Ħal Lija

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù juża xbieha li għan-nies ta’ żmienu, imma anke għalina nies tal-Mediterran, hija faċli biex nifhmuha. Nafu li d-dielja li tagħmel frott bnin, l-għeneb li minnu aħna nieħdu l-inbid li jferraħ qalb il-bniedem, għandha bżonn iż-żabra. Imma nafu wkoll li jekk il-friegħi mhumiex imqabbdin mad-dielja qatt mhu se jagħmlu l-frott.

Għalhekk, il-Mulej jimmaġina li huwa d-dielja u Missieru huwa l-bidwi… Kompli aqra »

“Il-libertà tassew hi ta’ min jagħżel it-tajjeb” – L-Arċisqof

Quddiesa ta' ringrazzjament mal-Iscouts u l-Girl Guides

  Il-Knisja tas-Seminarju tal-Arċisqof, Tal-Virtù

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Niftakru li fir-rakkont tal-Milied, l-anġli jidhru lil grupp ta’ ragħajja. Ir-ragħajja kienu meqjusa bħala kategorija emarġinati, mhumiex rispettati, anzi mistmerra,imma l-messaġġ ta’ ferħ li tweldilna salvatur jingħad l-ewwel lilhom. Ġwanni l-Evanġelista, meta jindika min hu Ġesù, isejjaħlu ‘ħaruf’. “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja” (Ġw 1:29).

Ġesù, f’din is-silta li għadna kemm smajna minn kapitlu 10 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, isejjaħ lilu nnifsu bħala ragħaj… Kompli aqra »