Il-Knisja f’Malta tixtieq tistieden lill-Insara Maltin jinġabru flimkien għaċ-ċelebrazzjoni Djoċesana tal-Vġili ta’ Għid il-Ħamsin, nhar is-Sibt, 22 ta’ Mejju, 2010, quddiem il-Knisja Parrokkjali tal-Għargħur. Din is-sena ċ-ċelebrazzjoni se tkun marbuta mas-Sena tas-Saċerdoti li nieda l-Papa Benedittu XVI. Fil-fatt, it-tema li ntagħżlet hi: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin” (Lq. 4:18).
Iċ-ċelebrazzjoni, ppreseduta mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P., li jkun għadu kemm wasal lura Malta minn Żjara Pastorali lill-emigranti Maltin fil-Kanada u fl-Istati Uniti, tibda fis-7:30 p.m. b’feature mħejji apposta għal din l-okkażjoni. L-attivita’ tilħaq il-qofol tagħha biċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa li tibda fit-8:00 p.m.
F’ Għid il-Ħamsin il-Knisja tfakkar l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli. Din il-ġrajja tat bidu għall-ħajja tal-Knisja, bid-dixxipli ta’ Kristu jagħtu bidu għall-esperjenza tax-xandir tal-Bxara t-Tajba mad-dinja kollha.
Imħeġġin fil-fidi miż-żjara f’Malta tal-Papa Benedittu XVI, iċ-ċelebrazzjoni ta’ din is-sena toffri lill-Insara l-opportunita’ biex skond ma stedinna nagħmlu l-Papa stess fl-omelija tiegħu fuq il-Fosos tal-Furjana, ngħożżu l-fidi u l-valuri li tagħna San Pawl, inkomplu nesploraw l-għana u l-fond ta’ dan ir-rigal u nkunu żguri li ngħadduħ mhux biss lil uliedna iżda wkoll lil dawk kollha li niltaqgħu magħhom.