Vatican City

Il-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi se jibda l-24 Asemblea Plenarja ddedikata għall-konsiderazzjoni tas-suġġett “Xhieda ta’ Kristu fil-komunita politika”. Komunikat maħruġ mill-Kunsill innota wkoll kif il-Papa ripetutament affarma fuq il-ħtieġa kbira ta’ impenn imġedded mill-kattoliċi fil-ħajja politika.

L-attivita li tiskatta l-Ħamis, se tkun inawgurata mill-President tad-Dekasteru in kwistjoni, il-Kardinal Stanislaw Rylko.

It-tliet taħdidiet pjanati huma dawn: ‘Il-politika u d-demokrazija llum’ li se tkun indirizzata mir-Rettur tal-Universita Kattolika tal-Qalb Imqaddsa f’Milan l-Italja – Lorenzo Ornaghi; ‘Il-Knisja u l-komunita politika- punti vitali’ li se tkun in dirizzata mill-President tal-imsejjaħ Proġett Kulturali tal-Isqfijiet Taljani – Il-Kardinal Camillo Ruini; u finalment ‘Ir-responsabbilta tal-lajċi fil-ħajja politika’, taħdita li se tkun indirizzata mill-President tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja, l-Arċisqof Salvatore Fisichella.

Il-Fundatur tal-Komunita lajka kattolika San Eġidio, Andrea Riccardi, se jagħti rapport dwar personalitajiet insara kbar fl-istorja tal-politika. Barra minn hekk, is-Sotto Segretarju tal-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi, Guzman Carriquiry, se jitkellem dwar il-metodi għall-formazzjoni tal-lajċi fil-politika.

Il-Papa Benedittu XVI se jilqa’ lill-parteċipanti f’udjenza nhar il-Ġimgħa.