L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. u l-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna stiednu lill-Insara Maltin għaċ-ċelebrazzjoni Djoċesana tal-Vġili ta’ Għid il-Ħamsin. Din saret nhar is-Sibt 18 ta’ Mejju 2013, fil-Kumpless Sportiv ta’ Korradino, Raħal Ġdid, mis-6:00 p.m. sat-8:00 p.m. Din kienet ukoll l-ewwel darba li n-Nunzju Appostoliku l-ġdid, Mons. Aldo Cavalli, ipparteċipa f’attività Djoċesana u ltaqa’ mal-Insara Maltin.

Iċ-ċelebrazzjoni ta’ din is-sena, bit-tema “No Jesus, no love. Know Jesus, know love”, inkludiet esperjenzi mill-ħajja li ser juru kif il-ħidma tal-evanġelizzazzjoni, tal-karità u tal-appostolat huma strumentali biex il-bniedem jersaq lejn Alla u lejn il-Knisja. Waħda mill-esperjenzi hija dik tal-kantant żagħżugħ Gianluca Bezzina. Din ġiet irrekordjata qabel telaq lejn Malmo biex ixxandret matul iċ-ċelebrazzjoni.

Matul iċ-ċelebrazzjoni sar kollegament mal-Vatikan fejn dak il-ħin, il-Papa Franġisku wassal messaġġ waqt ċelebrazzjoni għall-membri ta’ diversi Movimenti u Assoċjazzjonijiet Lajkali fi ħdan il-Knisja. L-Arċisqof wassal il-messaġġ tiegħu wkoll għal din l-okkażjoni importanti fil-ħajja tal-Knisja.

Illum, f’Għid il-Ħamsin, il-Knisja tfakkar l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli. Din il-ġrajja tat bidu għall-ħajja tal-Knisja, bid-dixxippli ta’ Kristu jagħtu bidu għall-esperjenza tax-xandir tal-Bxara t-Tajba mad-dinja kollha.

Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]