Nhar il‑Ħadd li ġej il‑Knisja f’Malta se tiċċelebra l‑festa ta’ Kristu Re. B’rabta ma’ din il‑festa hekk importanti għall‑Knisja Kattolika, fil‑jiem li ġejjin il‑Knisja f’Malta se tiċċelebra tliet ċelebrazzjonijiet djoċesani importanti. Din is‑sena l‑Assemblea Djoċesana se terġa’ ssir fuq jumejn waqt li il‑Jum Dinji taż‑Żgħażagħ se jiġi ċelebrat permezz tal-attività Encounter.
L‑Assemblea Djoċesana
Għada l‑Ħamis 23 ta’ Novembru u l‑Ġimgħa 24 ta’ Novembru, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta ser tlaqqa’ l‑Assemblea Djoċesana li se tkun ippreseduta mill‑Arċisqof Charles Scicluna. L‑Assemblea ser issir fiċ‑Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni (ĊAK) f’Birkirkara bil‑possibbiltà li wieħed isegwi wkoll online. Din is‑sena wkoll, l‑Assemblea se tkun parti mill‑proċess ta’ tiġdid ekkleżjali Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed, u għandha rabta qawwija mal‑proċess ta’ sinodalità li għaddejja minnu l‑Knisja Universali.
L‑Assemblea, bit‑tema ‘Knisja li takkumpanja, Knisja li toħroġ b’missjoni’, se tiddiskuti l‑esperjenzi li twettqu bħala parti mill‑proċess ekkleżjali dwar Knisja li takkumpanja kif ukoll esperjenzi oħra li jgħinuha tħaddan aktar l‑attitudni li tkun Knisja li toħroġ b’missjoni.
Fl‑Assemblea se jieħdu sehem, fost oħrajn, numru ta’ żgħażagħ li pparteċipaw fil‑Jum Dinji taż‑Żgħażagħ f’Awwissu li għadda fil‑Portugall flimkien mal‑Papa Franġisku, kif ukoll għadd ta’ persuni oħra minn oqsma differenti tal‑Knisja li qegħdin f’ħidma ta’ akkumpanjament jew involuti f’ħidma ta’ outreach. L‑Assemblea tagħlaq il‑Ġimgħa bil‑messaġġ tal‑Arċisqof Scicluna.
Għall‑Assemblea huma mistiedna l‑provinċjali tal‑kongregazzjonijiet reliġjużi, il‑kappillani u rappreżentanti tal‑parroċċi kollha, il‑kapijiet tal‑iskejjel tal‑Knisja u l‑mexxejja tal‑għaqdiet u l‑movimenti Kattoliċi, delegati u persuni oħra f’kunsilli tal‑Arċidjoċesi.
Il‑Jum Dinji taż‑Żgħażagħ 2023
Il‑Malta Catholic Youth Network (MCYN) se tagħlaq is‑sena tal‑Jum Dinji taż‑Żgħażagħ permezz ta’ Encounter, attività ta’ fidi u divertiment għaż‑żgħażagħ fuq tlitt ijiem. Matul Encounter se jsiru workshops, taħdidiet, adorazzjonijiet ewkaristiċi, mużika live u attivitajiet ta’ divertiment addattati għaż‑żgħażagħ. Is‑Sibt, 25 ta’ Novembru se ssir quddiesa bl‑Ingliż iċċelebrata mill‑Isqof Joseph Galea‑Curmi fis‑1pm. L‑għada l-Ħadd, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa fid‑9:30am. Din tixxandar fuq TVM, knisja.mt, Newsbook.com.mt u Radju RTK103. Il‑quddies miftuħ għall‑pubbliku.
Encounter se jsir fil‑Mużew tal‑Avjazzjoni f’Ta’ Qali u jiftaħ nhar il‑Ġimgħa 24 ta’ Novembru fit‑8:30pm u jintemm fis‑26 ta’ Novembru fis‑1:30pm. Min hu interessat jattendi jista’ jibgħat fuq [email protected]. Ir‑reġistrazzjoni hi ta’ €5 u tinkludi ikla waħda. Għall‑programm ta’ Encounter żur mcyn.org.
L‑Għasar u l‑Barka Sagramentali fil‑Festa ta’ Kristu Re
Nhar il‑Ħadd li ġej, 26 ta’ Novembru 2023, issir iċ‑ċelebrazzjoni djoċesana ta’ Kristu Re, ippreseduta mill‑Arċisqof Charles Scicluna. Kulħadd hu mistieden għal din iċ‑ċelebrazzjoni.
Iċ‑ċelebrazzjoni djoċesana tibda fil‑5:00pm u ser issir fil‑Bażilika Minuri ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid, fejn jingħad l‑għasar (it‑talba ta’ filgħaxija) u tingħata l‑barka sagramentali. Waqt l‑għasar, l‑Arċisqof iwassal il‑messaġġ tiegħu f’din il‑festa tant importanti għall‑Insara. Iċ‑ċelebrazzjoni se tixxandar fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt.
Qabel iċ‑ċelebrazzjoni se jkun hemm servizz ta’ qrar u wara ċ‑ċelebrazzjoni jkun hemm quddiesa.
Il‑festa ta’ Kristu Re, twaqqfet mill‑Papa Piju XI fl‑1926 bil‑għan li l‑Insara jagħrfu f’Ġesù l‑mexxej wieħed li miegħu jġib il‑verità u l‑ħajja, il‑qdusija u l‑grazzja, il‑ġustizzja, l‑imħabba u s‑sliem, dak li l‑bnedmin fid‑dinja kollha jinħtieġu biex jgħixu bid‑dinjità.