L‑Arċisqof Charles Scicluna jistieden lill‑Insara biex jieħdu sehem fiċ‑ċelebrazzjonijiet tal‑Ġimgħa Mqaddsa li matulhom il‑Knisja Kattolika tfakkar il‑passjoni, il‑mewt u l‑qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu. F’dawn il‑jiem qaddisa, l‑Arċisqof se jippresiedi ċ‑ċelebrazzjonijiet li se jsiru fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann fil‑Belt Valletta. Dawn se jixxandru b’mod dirett fuq TVMTVMNews+, l‑istazzjon tar‑radju RTK103Knisja.mt u Newsbook.com.mt.

Nhar il‑Ħadd li ġej, 24 ta’ Marzu, fid‑9:30am, l‑Arċisqof imexxi ċ‑ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il‑Palm, bit‑tberik tal‑friegħi taż‑żebbuġ u l‑palm, u wara jkompli bil‑quddiesa li fiha jinqara r‑rakkont tal‑Passjoni tal‑Mulej.

Il‑Ħamis 28 ta’ Marzu, Ħamis ix‑Xirka, fid‑9:30am, l‑Arċisqof jiċċelebra l‑Quddiesa tal‑Griżma fejn jitbierku ż‑żjut biex jintużaw waqt is‑sagramenti sa Ħamis ix‑Xirka ieħor. Waqt il‑quddiesa, is‑saċerdoti djoċesani u reliġjużi jġeddu l‑wegħdiet li għamlu fl‑ordinazzjoni tagħhom. Fis‑6pm issir it‑Tifkira Solenni tal‑Ikla tal‑Mulej, fejn fuq l‑eżempju ta’ Ġesù, l‑Arċisqof jaħsel riġlejn għadd ta’ persuni. Fi tmiem il‑quddiesa, l‑Arċisqof iwassal l‑Ewkaristija fl‑kappella tar‑ripożizzjoni għall‑qima tal‑Insara.

Il‑Ġimgħa 29 ta’ Marzu, il‑Ġimgħa l‑Kbira, fid‑9:30am, l‑Arċisqof imexxi l‑Uffiċċju tal‑Qari u t‑Tifħir ta’ Sbiħ il‑Jum, fil‑Kappella tal‑Madonna ta’ Manresa fil‑Kurja tal‑Arċisqof fil‑Furjana. Dawn jixxandru fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt. Fit‑3:30pm l‑Arċisqof imexxi l‑Azzjoni Liturġika tal‑Passjoni u l‑Mewt tal‑Mulej, li tinkludi r‑Rakkont tal‑Passjoni skont San Ġwann, l‑adorazzjoni tas‑salib u t‑tqarbin. Din tixxandar fuq Knisja.mt, Newsbook.com.mt u RTK103. 

F’Sibt il‑Għid, 30 ta’ Marzu, fid‑9:30am, l‑Arċisqof, flimkien mal‑Isqof Anglikan Robert Innes u l‑Kanċillier tal‑Prokatidral ta’ San Pawl Rev. Canon David Wright, se jmexxi l‑Uffiċċju tal‑Qari u t‑Tifħir ta’ Sbiħ il‑Jum, fil‑Kappella tal‑Madonna ta’ Manresa fil‑Kurja tal‑Arċisqof fil‑Furjana. Fit‑8pm l‑Arċisqof imexxi l‑Liturġija tal‑Vġili tal‑Għid. Iċ‑ċelebrazzjoni tibda bit‑tberik tan‑nar ġdid fuq iz‑zuntier tal‑Konkatidral u tkompli bil‑Liturġija tal‑Kelma, il‑Liturġija tal‑Magħmudija u l‑Liturġija tal‑Ewkaristija. Matul din iċ‑ċelebrazzjoni se jiġu amministrati s‑Sagramenti tal‑Bidu tal‑Ħajja Nisranija (magħmudija, griżma u tqarbin) lill‑adulti. Din tixxandar fuq TVMNews+, Knisja.mt, Newsbook.com.mt u RTK103.

Il‑Ħadd, 31 ta’ Marzu, Ħadd il‑Għid, fid‑9:30am, l‑Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali tal‑Għid il‑Kbir tal‑Mulej.