Il‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta, flimkien mal‑Fakultà għat‑Tisħiħ tas‑Soċjetà u s‑Safeguarding Commission tal-Knisja f’Malta, qed tniedi Ċertifikat fil‑Ħarsien (Safeguarding) tat‑Tfal u ż‑Żgħażagħ li se jiftaħ f’Ottubru 2020. L‑applikazzjonijiet miftuħin.
Iċ‑Ċertifikat hu fuq bażi part‑time (filgħaxija) u mifrux fuq żewġ semestri. Hu maħsub l‑aktar għal dawk involuti f’ħidma jew attività mat‑tfal u ż‑żgħażagħ, speċjalment fl‑oqsma tal‑volontarjat, edukazzjoni, pastorali, ħidma soċjali, katekeżi, sport u rikreazzjoni. Il-lectures se jsiru l-Università u online. L‑għanijiet tal‑kors huma:
- li jintroduċi l‑parteċipanti għat‑temi prinċipali u l‑istandards dwar il‑ħarsien tat‑tfal u ż‑żgħażagħ;
- li jagħti lill‑kandidati għarfien u ħiliet bażiċi biex jagħrfu u jirrispondu b’mod effettiv għas‑sinjali ta’ abbuż, u jifhmu l‑konsegwenzi koroh tal‑abbuż;
- li jippreżenta lill‑parteċipanti l‑prinċipji fundamentali ta’ kura personali, kif ukoll l‑obbligi etiċi u legali relatati mal‑ħidma tat‑tfal u ż‑żgħażagħ.
Għal aktar informazzjoni jew biex tapplika, ċempel fuq 23402767 jew żur: www.um.edu.mt/courses/overview/UCSCUPTE‑2020‑1‑O.
Iċ‑Ċertifikat hu wieħed mill‑korsijiet li jikkwalifika għall‑iskema ta’ boroż ta’ studju offruti mill‑Fondazzjoni għall‑Istudji Teoloġiċi tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta lil min jixtieq ikompli l‑istudji tat‑teoloġija u l‑oqsma pastorali fil‑Fakultà tat‑Teoloġija.
Għas‑sena akkademika 2020‑2021, il‑Fondazzjoni qed toffri għaxar boroż, li se jitqassmu skont dawn il-kriterji:
- boroż ta’ €300 għal min japplika għaċ-Ċertifikat fil‑Ħarsien tat‑Tfal u Żgħażagħ
- boroż ta’ €800 għal min japplika għad-Diploma fl‑Istudji Reliġjużi
- boroż ta’ €2,000 għal min japplika għall-Baċellerat fl‑Arti (bl‑Unuri) fit‑Teoloġija (part‑time), M.A. fl‑Istudji Reliġjużi, M.A. fit‑Teoloġija, M.A. fl‑Ispiritwalità jew M.A. fl‑Akkumpanjament Spirtwali.
L‑applikazzjonijiet għall‑boroż ta’ studju jagħlqu fl‑1 ta’ Ottubru 2020. Agħfas hawn għal aktar dettalji dwar l‑iskema u l‑applikazzjoni.