• *****

    Direttur: Kenneth Branagh

    Atturi: Lily James, Cate Blanchett, Richard Madden, Helena Bonham Carter, Nonso Anozie, Stellan Skargard, Derek Jacobi, Ben Chaplin u Hayley Atwell

    Ħin tal-Film: 105 min

    Klassifika taċ-Ċensura: U

    Klassifika tal-Knisja: U

    L-istorja ta’ Cinderella hi magħrufa biżżejjed minn kulħadd. Ella mlaqqma “Cinderalla”  titlef lill-ommha wara marda qasira. Fuq is-sodda tal-mewt ommha xtaqet ħafna li Ella tkun dejjem kuraġġuża u ta’ qalb tajba. Missierha li kien negozjant xtaq ħafna li jerġa jiżżewweġ  għat-tieni darba u  Ella, biex togħġob lilu ma sabet ebda oġġezjoni li jerġa’ jiżżewweġ. Il-mara l-ġdida kienet  Lady Tremaine, armla u omm ta’ zewġ tfajliet,  Anastasia u Drizella. Dawn it-tfajliet kienu mimlijin bihom infushom u mfisdin għall-aħħar minn ommhom. Xejn  ma kienu ġġibu lill Ella.  Sfortunatament għal Ella, missierha jmut meta kien fi triqtu lejn xi negozju li minn żmien għal żmien kien jagħmel. Kienet daqqa ta’ ħarta għal Ella għaliex wara l-mewt ta’ missierha sabet ruħha seftura f’darha stess. Kif kienu jittrattawha, kemm l-omm tar-rispett u uliedha,  xejn ma kien faċli għaliha, iżda hi baqgħet tiftakar fi kliem ommha biex tkun karaġġuża u ta’ qalb tajba Kienet Drizella li laqqmet lil Ella “Cinderella”, wara li Ella kienet għada kemm naddfet il-fuklar taċ-ċumnija. Jum wieħed Cinderella maret  fil-foresta fuq iż-żiemel tagħha u hemm tiltaqa’ ma Kit li ma kienx ħlief il-Prinċep li ma għarfitx.  Il-Prinċep mill-ewwel ħass ġibda kbira lejha iżda ma kienx jaf isimha. Qalbu vampa nar għaliha, xtaq li jkun jaf min kienet dik it-tfajla ħelwa u ta’ qalb tajba. Għal din ir-raġuni ddeċieda li jorganizza ballu rjali biex forsi jerġa’ jiltaqa’ magħha. Tgħid jirnexxielu fil-ħsieb tiegħu? Cinderella kieku xtaqet ħafna tmur għall-ballu, iżda sabet oppożizzjoni kbira minn Lady Tremaine u uliedha  tant li anke qattgħu biċċiet l-uniku l-bibsa li kellha ta’ nies. X’jiġri minn hawn? Jista’ jkun li l-parrina tagħha tgħina biex il-ħolma tagħha sseħħ?

    Film tassew maħdum tajjeb bi storja li għalkemm jafha kulħadd iżda dejjem tibqa’ tiġbed kull tip ta’ udjenza. Film taħt id-direzzjoni ta’ Kenneth Branagh, maħdum għat-tieni darba minn Walt Disney Production għandu  jħalli messaġġ  pozittiv ħafna f’soċjeta` li iktar ma jgħaddi ż-żmien qeghda titlef il-valuri fejn jidħol il-kuraġġ u li wieħed ikun ta’ qalb tajba ma’ kulhadd. Nirrikmandaw dan il-film għall-familja kollha.