Jekk hawn post fejn fih il-Mulej tabilħaqq jgħallimni kemm il-ħajja fiha sorpriżi dan hu, bla dubju, iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. F’dan l-isptar, il-Mulej dejjem joħroġli b’xi waħda biex bħal jgħallimni li l-ħajja mimlija sorpriżi, mhux koroh biss le imma anki sbieħ. Waħda minnhom hi din.

Niftakarni nidħol għax-xogħol wara l-Għid. Kif dħalt fil-kwartieri tagħna, il-patri li jaqsam ix-xift miegħi u jien miegħu qalli: “Hawn dawn il-kartolini li ħallew studenti tat-tali skola għall-pazjenti. Tista’ jekk jogħġbok tqassamhomlhom ftit?” “Isbaħ din”, weġibtu jien. 

Għalhekk, meta bdejt indur lill-pazjenti tagħna bdejt inġorr dawn il-kartolini roża ċari miegħi u, meta kienet tippreżenta ruħha l-okkażjoni, arani nqassamhomlhom.

Il-kittieba tal-passi fir-ramel

Dawn il-kartolini li din l-iskola għamlet kienu tassew magħmula bis-sens. Il-faċċata tagħhom kienet tirrakkonta l-magħrufa poeżija miktuba minn Mary Stevenson bit-titlu: “Footprints in the sand”, jiġifieri “Passi fir-ramel”. 

Ibda biex Stevenson għaddiet minn tbatijiet kbar f’ħajjitha. Mary twieldet nhar it-8 ta’ Novembru tal-1922 ġewwa Filadelfja fis-subborg ta’ Chester, fl-Istati Uniti. Għalkemm kellha ħafna aħwa subien u bniet xorta waħda setgħet iżżomm l-individwalità tagħha. Tant hu hekk li Mary kienet mara tabilħaqq determinata.

Il-ħajja tatha fuq wiċċha mhux ftit. Wara t-telfa ta’ ommha, meta kellha biss 6 snin, Mary għaddiet mit-tbatija li tiġi mrobbija minn missier li kellu jieħu ħsieb it-tmint itfal waħdu. Ħafna mit-tfulija tagħha, Mary qatgħetha f’wieħed mill-agħar żminijiet li affaċjat l-Amerika fl-istorja tagħha, jiġifieri f’dik li nsejħulha “The Great Depression”, jew “Id-Dippressjoni l-Kbira”. Kien biss fil-bidu taż-żgħożija tagħha meta Mary kitbet “Footprints in the Sand”, “Il-Passi fir-Ramel”. Dak li wassalha tikteb din il-poeżija kienu l-biżibilju ħwejjeġ li affettwaw il-ħajja żagħżugħa tagħha. Mary tant intlaqtet mill-kliem li kitbet li ħasset il-bżonn li taqsam it-tifsira tiegħu ma’ dawk li setgħu jieħdu l-qawwa minnu fil-waqt tal-bżonn tagħhom. 

Mary ħadmet għal ħafna snin biex tikseb l-għarfien l-għaliex kienet kitbet “Footprints in the Sand”. Din il-poeżija ssuktat tikber fil-popolarità anki wara mewtha f’Jannar tal-1999.

Kliem il-poeżija Passi fir-Ramel

Issa se nagħti l-verżjoni Maltija ta’ dil-poeżija mill-aktar magħrufa u li ħarġet mill-qalb ta’ Mary Stevenson:

“F’lejla minnhom ħlomt ħolma.
Waqt li kont miexja matul ix-xtajta mal-Mulej tiegħi.
Mas-sema skur leħħu xeni minn ħajti.
Għal kull xena, intbaħt li kien hemm żewġ tipi ta’ passi fir-ramel,
Waħda li hi tiegħi u l-oħra tal-Mulej tiegħi.
Wara li l-aħħar xena ta’ ħajti leħħet quddiem għajnejja,
Jien ħarist lura lejn il-passi fir-ramel.
Intbaħt li f’ħafna minnhom, matul il-mogħdija ta’ ħajti,
L-iżjed fl-aktar iebsa u fl-aktar waqtiet ta’ qsim il-qalb,
Kien hemm biss sett wieħed ta’ passi.
Dan tassew li nkwetani. Għalhekk staqsejt lill-Mulej dwaru.

“Mulej, int għedt ġaladarba ddeċidejt li nimxi warajk,
Int kont se timxi miegħi tul it-triq.
Imma jien intbaħt li matul l-aktar waqtiet ta’ wġiegħ u ta’ inkwiet ta’ ħajti,
Kien hemm biss sett wieħed ta’ passi.
Ma nifhimx l-għaliex, meta l-aktar li kelli bżonnok, int ħallejtni”.
Weġibni bil-ħlewwa: “Binti l-aktar għażiża, inħobbok u qatt mhu ħa nħallik.
Qatt u qatt matul l-inkwiet u l-provi.
Meta rajt sett wieħed biss ta’ passi,
Kien f’dak il-waqt li jien erfajtek”.

Il-messaġġ tal-poeżija ċar kristall: fil-problemi hu l-Mulej li jġorrna f’dirgħajh. Għalhekk, int u jien, m’aħna qatt waħedna. Qed iġorrna u jħarisna l-Mulej innifsu.

Messaġġ il-kartolini

Kienu ħafna l-kartolini li magħhom kellhom marbuta messaġġi mill-isbaħ. Nixtieq hawnhekk li nillimita ruħi għal xi wħud li tassew laqtuni. Uħud minnhom inkitbu bl-ilsien Ingliż u għalhekk se nagħti t-traduzzjoni bl-ilsien Malti tagħhom filwaqt li oħrajn inkitbu bl-ilsien għażiż tagħna l-Malti. Dawn il-messaġġi nkitbu wara l-frażi Ingliża li tgħid hekk: “I’m here for you”, fil-Malti: “Jien hawn għalik”. Eżatt warajha kien hemm ħames linji fejn wieħed seta’ jikteb il-messaġġ.

Messaġġi: “I’m here for you… Dont’ give up. We keep on pushing. God is always by your side during easy times and hard.”B’ilsienna: “Jien hawn għalik … Taqtax qalbek. Nibqgħu għaddejjin. Il-Mulej dejjem qiegħed miegħek matul il-waqtiet faċli u iebsa”. It-tieni messaġġ: “I’m here for you… Thinking and praying for you at this difficult time”. B’ilsienna: “Jien hawn għalik … Qed naħseb u nitlob għalik f’daż-żmien diffiċli”. It-tielet messaġġ: “I’m here for you… God is there for you always and He is willing to help you. He put you in this world before He knew it needed one of you”. Bl-ilsien Malti: “Jien hawn għalik … Alla qiegħed hemm għalik dejjem u lest li jgħinek. Poġġiek f’din id-dinja minn qabel għax kien jaf li għandha bżonn wieħed/waħda bħalek”. Ir-raba’ messaġġ: “I’m here for you… I will pray that God helps you throughout your challenging times in your life.” Bil-Malti: “Jien hawn għalik … Se nitlob li Alla jgħinek fi żminijiet iebsa ta’ ħajtek”. 

Is-sitt messaġġ: “I’m here for you… Try to believe in yourself and try to tackle every problem you have. Get well soon”. Bl-ilsien Malti: “Jien hawn għalik … Ipprova emmen fik innifsek u ipprova affaċċja kull problema li għandek. Nixtieqlek il-fejqan ta’ malajr”. Is-seba’ messaġġ: “I’m here for you… You are not alone, everybody is rooting for you. Get better soon.” Bl-ilsien Malti: “Jien hawn għalik … Mintix waħdek. Kulħadd qed jissapportjak. Nixtieqlek fejqan ta’ malajr”. It-tmien messaġġ: “I’m here for you… Everything is hard in life but you have to know God is always there to help”. Bil-Malti: “Jien hawn għalik … Kollox hu iebes fil-ħajja imma għandek tkun taf li Alla dejjem qiegħed hemm biex jgħin”. Id-disa’ messaġġ: “I’m here for you… I’m sorry that you are not well at the moment but I do hope that you will feel better soon. Don’t worry. God is with you”. Bl-ilsien Malti: “Jien hawn għalik … Jiddispjaċini li m’intix tajjeb/tajba f’dan il-waqt imma nittama li malajr għad tħossok aħjar. Tibżax. Alla miegħek”.

F’dawn il-messaġġi hemm ukoll dawk li huma miktuba bl-ilsien għażiż tagħna, il-Malti. Għalhekk se ngħaddi għalihom minnufih. Se nsemmi tnejn minnhom. “Jien hawn għalik … Nixtieq li tibqa’ b’saħħtek u qatt ma taqta’ qalbek. Jien ser nitlob għalik ħalli tkun aħjar u tgawdi ħajtek fil-paċi.” Messaġġ ħelu ieħor kien dan: “Jien hawn għalik … Alla dejjem hemm għalik. Qatt taħseb li qiegħed/ qiegħdha waħdek għax tkun qed tagħmel l-agħar ħaġa”.

Spunt edukattiv

Din l-inizjattiva uriet il-qalb kbira ta’ wliedna lejn min qed ibati. Dan l-esperiment għen bis-sħiħ biex joħroġ minn uliedna l-imħabba u l-ħniena li hemm midfuna fihom. Barra minn hekk, għall-pazjenti tagħna dan l-eżerċizzju sabiħ żgur li għenhom jieħdu kuraġġ ħalli jaffaċċjaw it-trattament tagħhom b’aktar kuraġġ u sliem fil-qalb.

L-għaliex kull skola f’pajjiżna m’għandhiex tagħmel attivitajiet ta’ din ix-xorta biex min hu marid, waħdu, bla dar, refuġjat u qed ibati jkollu ftit sapport ukoll mit-tfal u miż-żgħażagħ tagħna? Hijiex din il-vera edukazzjoni li tagħmilna ċittadini u nies li tassew jemmnu għax responsabbli lejn għajrhom li qed ibati?

Patri Mario Attard OFM Cap