Climate Change

Id-delegati tan-networks dinjija ta’ aġenziji umanitarji li huma membri ta’ Caritas Internationalis u Cidse minn 24 pajjiż differenti madwar id-dinja, attendew ċelebrazzjonbi ekumenika fil-katidral Luteran f’Copenhagen. Iċ-ċelebrazzjoni kienet immexxija mill-Arċisqof ta’ Canterbury Rowan Williams, fil-preżenza tar-Reġina tad-Danimarka u għadd ta’ negozjaturi li qed jieħdu sehem fil-konferenza dwar il-bidla fil-klima li bdiet fis-7 ta’ Diċembru u tintemm nhar il-Ġimgħa li ġej.

L-Arċisqof Williams semma “l-qafas reliġjuż profond għall-impenn ambjentali” u talab lil dawk preżenti “jekk l-attitudnijiet personali u l-istil ta’ ħajja tagħhom humiex kompatibbli mar-rispett lejn id-dinja li Alla afdalna fir-responsabbilta tagħna”. Filwaqt li wera x-xewqa li iktar fondi jaslu għand l-ifqar u l-iktar żvantaġġati, huwa poġġa l-mistoqsija  u qal “kif nistgħu nibnu istituzzjonijiet internazzjonali li jistgħu jassiguraw riżorsi għal min tassew jeħtiġhom?”

L-Arċisqof ta’ Canterbury kompla li “ma nistgħux nuru l-aqwa mħabba jekk kull persuna umana ma taħdimx għall-protezzjoni ambjentali”.

Tul il-jum tas-Sibt, l-Arċisqof Anglikan Desmond Tutu ta lin-negozjatur ewlieni tal-Ġnus Maqgħuda, Yvo de Boer, nofs miljun firma miġbura fost l-insara tad-dinja b’talba lill-mexxejja dinjija sabiex “jilħqu ftehim effettiv u serju li jagħti priorita lill-foqra”.