L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Għamilna sawma ta’ tliet xhur u llum fil-parroċċi u l-knejjes tagħna l-komunità tista’ tibda terġa’ tiltaqa’ biex tisma’ l-Kelma ta’ Alla u tirċievi l-Ewkaristija.

Irridu nagħmlu dan f’kuntest partikolari li jeħtieġ ħafna restrizzjonijiet biex din il-laqgħa ta’ mħabba ma twassalniex għall-mard li jġib il-mewt imma tibqa’ tieħu ħsiebna; din il-laqgħa ma’ Ġesù tibqa’ tkun espressjoni ta’ mħabba u ta’ karità.

Fl-1920, mitt sena ilu, il-Papa Benedittu XV ħabbar lill-Knisja kollha li kien se jagħti t-titlu sabiħ ta’ duttur tal-Knisja lil wieħed mis-Sirja, li kien għex 16-il seklu qabel, San Efrem id-djaknu. Għaxar snin ilu l-Papa Benedittu propju fis-sena li fiha ġie fostna u f’din il-knisja wkoll, tkellem dwar San Efrem u f’dik il-laqgħa ta’ nhar ta’ Erbgħa l-Papa Benedittu kkwota silta sabiħa mit-tagħlim u mill-innijiet ta’ San Efrem.

“Fil-ħobż tiegħek,” kiteb San Efrem, “hemm moħbi l-Ispirtu li ma jistax jittiekel. Fl-inbid tiegħek hemm n-nar li ma tistax tixorbu. L-ispirtu fil-ħobż tiegħek, in-nar fl-inbid tiegħek. Xi ġmiel milqugħ fuq xofftejna”.

Għal San Efrem ix-xofftejn tagħna huma għeżież mhux biss għax jesprimu l-imħabba fl-intimità tal-maħbubin imma għaliex ukoll permezz tagħhom aħna nitrejqu bil-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. “Jekk in-nar mibgħut minn Alla fl-antik,” jgħid San Efrem, “kien niżel bil-korla biex jeqred lill-midinbin, in-nar tal-grazzja, Ġesù Ewkaristija, jinżel fuq il-ħobż u jibqa’ fih mhux biex jeqred lill-bniedem imma biex aħna li nieklu minn dan in-nar tal-ħobż, nieħdu l-ħajja. Jekk lil Iżaija l-Mulej messlu xufftejh biex isaffih, il-Mulej mhux biss isaffina billi jidħol fina imma fil-bewsa ta’ xufftejna jagħtina l-ħajja”.

Illum qegħdin infakkru wkoll l-għoti ġeneruż tad-demm li bih aħna nassiguraw il-fejqan u l-ħajja lil tant nies. Kemm hi ħaġa sabiħa li qegħdin niċċelebraw din il-ġenerożità, tant nies li jagħtu d-demm tagħhom propju fil-ġurnata tal-Ewkaristija.

Kemm-il darba fil-Evanġelju smajna Ġesù jinsisti fil-bżonn li aħna nersqu lejh, nieklu Ġismu, nixorbu Demmu biex aħna jkollna l-ħajja. Għeżież ix-xufftejn ta’ kull wieħed u waħda minna u t-talba tagħna hija li x-xufftejn tagħna jkunu strument ta’ mħabba u qatt ta’ tradiment – bħalma kienu għal Ġuda – u jirċievu b’qalb safja l-Ġisem u d-Demm għeżież tal-Mulej.

Illum qegħdin infakkru wkoll l-għoti ġeneruż tad-demm li bih aħna nassiguraw il-fejqan u l-ħajja lil tant nies. Kemm hi ħaġa sabiħa li qegħdin niċċelebraw din il-ġenerożità, tant nies li jagħtu d-demm tagħhom propju fil-ġurnata tal-Ewkaristija. Għax Ġesù, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, bil-kelma tal-Missier, jittrasforma l-inbid li noffrulu f’Demmu bħalma jittrasforma l-ħobż li noffrulu fil-Ġisem għażiż tiegħu.

Ejjew nilqgħu d-don tal-Ispirtu, id-don ta’ dan in-nar li l-Mulej kellu ħerqa li jitfa’ fid-dinja. “Għandi nar u kemm jien ħerqan li jkun jista’ jaqbad” (Lq 12:49). Aħna u nitolbu lill-komunitajiet tagħna minn dawn il-laqgħat li issa bdew u jalla jkomplu, jirċievu l-manteniment ta’ ruħhom il-ħobż tal-ħajja, ejjew nitolbu wkoll għal min fil-passat tbiegħed minn dan il-ħobż u minn dan l-inbid, minn dan l-ikel u minn dan ix-xorb, biex l-għatx li ħassejna lkoll u l-ġuħ li kellna f’din is-sawma tant kbira, jittaffew bil-preżenza tagħna fil-knejjes tagħna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Dewt 8, 2-3.14b-16a
Salm: 146 (147), 12-13.14-15.19-20
Qari I: 1 Kor 10, 16-17
Evanġelju: Ġw 6, 51-58

More Photos >>