• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt Valletta
    4 ta’ April 2018

    Iż-żewġ dixxipli dakinhar tal-ewwel jum tal-ġimgħa, telqu minn Ġerusalemm imnikkta. Niket, bluha u ebusija tal-qalb huma sentimenti li kienu qegħdin itaqqlu lil Kleofa u lil sieħbu. Kienu raw lil Ġesù jmut fuq is-salib, kienu wkoll semgħu bl-aħbar tal-irxoxt tiegħu, imma kien hemm xi ħaġa li ttaqqalhom, kien hemm għamat fuq qalbhom u ddeċidew li jitilqu minn Ġerusalmem u jmorru lejn ir-raħal ta’ Għemmaws.

    Ġesù jissieħeb magħhom, ma jitlaqhomx. Jissieħeb fit-triq tagħhom u jipprova jiskopri r-raġuni tan-niket u tal-qalb imnikkta tagħhom. “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?” (Lq 24, 17).  Huma jgħidulu: “Inti l-barrani f’Ġerusalemm, inti dak li mhux wieħed minna ma tafx x’ġara’?” (ara v. 18). U jispjegawlu l-esperjenza trawmatika li kienu għaddew minna u l-konfużjoni li ħassew meta n-nisa ġew jgħidu: ‘Ħasduna li l-katavru ta’ Ġesù ma sabuhx, li ltaqgħu ma’ xi anġli u qalulhom li hu ħaj’ (ara vv. 22-23). 

    Donnu din l-aħbar, minflok timliehom bil-ferħ, tikkumplikalhom ħajjithom. U l-Mulej jipprova b’paċenzja kbira jispjegalhom li l-Messija kellu jbati u “hekk jidħol fil-glorja tiegħu” (v. 26). Beda jispjegalhom l-Iskrittura; “beda minn Mosè u l-profeti, ifissrilhom kull ma kien hemm fuqu” (v. 27) fil-Kotba Mqaddsa. Imma ma ridx jimponi ruħu fuqhom. Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin, hu għamel tabirruħu li hu kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Kienu huma, imsaħħrin b’dan il-personaġġ, imħeġġin bil-kelma tiegħu, li talbuh ħerqana: “Ibqa’ magħna għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm. Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu, tahulhom” (vv. 28-30). Għarrfuh fil-qsim tal-ħobż.   

    Aħna u niddedikaw dan il-maqdes lill-Mulej, nitolbu li għal kull wieħed u waħda minna, biex dan isir bħad-dar ta’ Għemmaws li fiha nagħrfu lill-Mulej fil-qsim tal-ħobż. Hawnhekk il-Mulej ifissrilna kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu. Hawnhekk nitolbu li aħna u nisimgħu l-Kelma tiegħu, qalbna titħeġġeġ ġewwa fina, titkebbes bl-imħabba lejh. Dan il-maqdes, biex nuża’ l-espressjoni feliċi ta’ San Ġwann fil-Ktieb tal-Apokalissi, kapitlu 21: “Dan il-maqdes huwa l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin” (Apk 21, 3).    

    Għalhekk qegħdin niddedikawh biex mhux biss ikun kwalunkwe tempju, imma jkun l-għamara ta’ Alla, il-post li jfakkarna fil-preżenza ta’ Alla. Fit-tenaċja ta’ Ġesù li ma jitlaqniex meta aħna mnikkta, qalbna maqsuma, konfużi u diżorjentati, Ġesù, tenaċi, ma jitlaqniex, imma jissieħeb magħna. Mhux se jimponi ruħu fuqna. Qatt. Kultant jagħmel tabirruħu li se jibqa’ għaddej. Għandu bżonn li jisma’ l-karba ta’ qalbna ‘Ibqa’ magħna, ibqa’ magħna!’.  ,

    Il-mistoqsija li rridu nagħmlu llum waqt li noffru dan il-maqdes lill-Mulej hija: aħna rriduh magħna?

    Din l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin hija wkoll karba li toħroġ mill-qalb Karmelitana, mill-qalb tal-belt kapitali tagħna li lill-Mulej tgħidlu: ‘Ibqa’ magħna, ibqa’ magħna’. Il-providenza riedet li din il-karba titla’ fil-mument meta l-Kapitali tagħna hija waħda miż-żewġ kapitali kulturali tal-Ewropa. Hija karba biex il-kultura Ewropea tibqa’ ttenni l-karba li dwiet matul dawn l-2,000 sena: ‘Ibqa’ magħna, ibqa’ magħna!’. Din l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin: “Hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu ikun magħhom, Alla tagħhom” (Apk 21, 3). Il-maqdes, iddedikat taħt it-titlu tal-Beata Verġni tal-Karmelu, titlu tant għażiż għalina l-Maltin u l-Għawdxin, huwa tifkira ħajja li Alla huwa magħna, li Alla huwa Għimmanu-El.     

    Il-mistoqsija li rridu nagħmlu llum waqt li noffru dan il-maqdes lill-Mulej hija: aħna rriduh magħna? Jiena nemmen li l-preżenza tagħna llum, dan il-ġest li qegħdin nagħmlu, din il-liturġija solenni, minkejja d-dgħufija tagħna, minkejja d-dnubiet tagħna, qed ngħidu ‘iva’ lill-Mulej, ‘aħna għandna bżonnok’. Biex nuża’ talba qasira ta’ San Ġorġ Preca: ‘Sinjur Alla, aħna għandna bżonnok, jiena għandi bżonnok’. U llum waqt li nirringrazzjawh ta’ din il-ħolma tal-aħwa Karmelitani li lha għaddejja s-snin, seħħet! Ngħidulu, mal-Karmelitan San Ġorġ Preca: ‘Grazzi, Sinjur Alla, aħfirli, Sinjur Alla’.  

    Veru li hawnhekk qegħdin nammiraw l-arti tal-bniedem, l-arti tal-irħam, l-arti fil-ġebla Maltija, l-arkitettura, l-inġinerija, tant sintesi li tagħni u sseddaq lil dan il-maqdes, imma jkun kollox tassew fqir jekk minn hawnhekk ma jgħaddix dak li tassew huwa ta’ Ġesù: il-qawwa tal-fejqan. Niftakru fix-xhieda tal-qawmien meta Pietru u Ġwanni, lill-magħtub ta’ Ġerusalemm jgħidulu: “Fidda u deheb m’għandniex, imma dak li għandna se nagħuk: fl-Isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi” (ara Atti 3, 6).      

    Nitolbu li qalbna titkebbes mhux biss bid-devozzjoni lejn Omm Ġesù imma wkoll li fl-iskola tagħha nitgħallmu ngħożżu l-Ewkaristija

    Minn hawnhekk, bl-interċessjoni ta’ ommu, il-Mulej jgħanina bil-qawwa fil-mixja tagħna u jgħidilna: ‘Inti li magħtub minħabba dnubietek, li pparalizzat minħabba l-vizzji li waqajt fihom, taqtax qalbek, imxi, għaliex il-Mulej jaqbdek minn idek il-leminija u jqajmek’. Wara kollox, mhux ta’ b’xejn nifirħu meta jgħidulna li “sejrin ferħana f’dar il-Mulej” (S 121, 1). “Ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna” (S 94, 1) għaliex aħna b’xi mod barranin, bħalma kien Ġesù fit-triq ta’ Għemmaws, aħna paroikoi għax is-sema huwa pajjiżna. Din il-mawra tagħna ta’ ftit snin tispiċċa u tgħaddi imma għalina hemm imħejjija għamara li ma tispiċċa qatt. U dan il-maqdes huwa rifless ta’ din l-għamara ta’ dejjem li qiegħda tistenniena. Dik l-għamara hija d-destin tagħna u hawn, f’riġlejn il-Madonna tal-Karmnu, irridu nitolbuha li bil-labtu tagħha, li huma l-virtujiet tagħha tal-umiltà, tal-karità, tal-paċenzja u tal-martirju ħdejn is-salib, hi tlibbisna bil-labtu tagħha, iżżejjinna bil-virtujiet tagħha u tressaqna lejn id-destin li għalih ħalaqna Alla: id-destin tal-ġenna. 

    Ejjew nitolbu li qalbna titkebbes mhux biss bid-devozzjoni lejn Omm Ġesù, imma wkoll li fl-iskola tagħha nitgħallmu ngħożżu l-Ewkaristija li niċċelebraw hawnhekk, li fiha l-Mulej jaqsam magħna l-Kelma u jaqsam magħna l-ħobż li huwa Ġismu u Demmu.

    Aħna llum nikkonsagraw it-tnax-il kolonna li jżommu il-koppla maestuża ta’ dan it-tempju. Huma t-tnax-il kolonna li jfakkruna fit-tnax-il tribu ta’ Iżrael, ifakkruna fit-tnax-il appostlu tal-Mulej, ifakkruna fl-erbgħat irjieħat tad-dinja u fl-irjieħ minuri, ifakkruna li mill-qalba ta’ dan is-santwarju, mill-qalba ta’ din il-bażilika santwarju ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu, trid toħroġ qawwa ta’ devozzjoni li tfakkarna fil-kliem ta’ Marija: “Agħmlu kull ma jgħidilkom Ibni Ġesù” (ara Ġw 2, 5).   

    Nitolbuk, Sidtna Marija tal-Karmelu, li tieqaf magħna, aħna u niddedikaw lil Alla dan il-maqdes bit-titlu tiegħek, inti li inti Omm l-Iben, Bint il-Missier, Għarusa tal-Ispirtu s-Santu. Nifirħulek, O Marija, u nitolbuk tidħol għalina, int li inti l-Fjur tal-Karmelu, inti li inti l-għaxqa ta’ qalbna, u kull l-ewwel erbgħa tal-udjenza nibqgħu niftakru f’dan il-jum u f’dawk kollha li matul is-sekli ġew hawnhekk, kemm fil-maqdes l-antik u issa f’dan il-ġdid biex jiftakru li inti l-Omm tal-Qawmien kif inti wkoll l-Omm Addolorata, li inti l-Omm tat-Tama li tagħtina l-faraġ u l-konsolazzjoni meta aħna mnikktin.

    O Marija, bierek lill-gżejjer tagħna, ressaqna dejjem iżjed lejn Ġesù, u inti, O Mulej Ġesù, tabbandunaniex meta qalbna tkun imnikkta u għajnejna mtaqqlin jew bin-ngħas jew bil-bluha, fakkarna fil-Kelma ħanina tiegħek, għarrafna l-ħniena tiegħek fil-qsim tal-ħobż.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta 

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace