***

Direttur:          Todd Haynes

Atturi:              Mark Ruffalo, Anne Hathaway, Tim Robbins, Bill Camp, Victor Garber, Mare Winningham, Bill Pullman, William Jackson u Louisa Kuse

Ħin tal-Film:    126 min

Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12

Robert Bilott, avukat minn Ċinċinnati,  Ohio jaħdem ma’ kumpanija ta’ avukati Taft Stettinus & Hollister.  Robert ikollu żjara minn Wilbur Tennant, bidwi  li jitolbu  biex jinvestiga numru ta’ imwiet li kienu seħħew ġewwa Parkersburg, West Virginia fejn kienet tinsab waħda mill-ikbar korporazzjonijiet kemikali DuPont. Robert jirrifjuta li jgħin għalkemm Wilbur iħallilu kaxxa mimlija videotapes. Il-kumpanija ta’ avukati li Robert  kien jaħdem magħha kienet tgħin kumpaniji li jipproduċu kimika u li ma kienux jiksru l-liġi u ma jikkontaminawx l-ambjent fejn kienu joperaw. Għalkemm Robert ma deherx ħerqan li jagħmel xi ħaġa iżda b’rispett lejn nannitu li kienet toqgħod f’ Parkersburg, mar jagħmel żjara fir-razzett ta’ Tennant.

Meta jasal hemm, Robert isir jaf li Tennant f’dawn l-aħħar sentejn kien tilef aktar minn 190 baqra li mietu kawża ta’ kundizzjoni medika bħal organi minfuħa, snien suwed u tumuri kbar. Robert kien anke xhud ta’ mewt ta’ baqra li kienet kollha miksija tumuri. Għalkemm Robert kien avukat difensur u kien f’qagħda tajba mal-eżekuttiv tal-kumpanija Du Pont, fetaħ diskussjoni  fuq is-suġġett ma’ Phil Donnelly,  l-avukat ta’ Du Pont. Phil qallu li kien lest li jgħin fejn ikun meħtieġ. Robert fetaħ kawża biex ikollu aktar informazzjoni fuq x’kimika kienet qegħda tinxteħet fuq is-sit, iżda ma sab xejn li setgħet tgħinu għalkemm irrealiżża li dak li kien qiegħed jivvelena l-baqar fir-razzett ta’ Tennant kienet kimika li ma kinitx fil-lista tar-rapport Enviromental Protection Agency li hu kien talab li jkollu.

Bi ftehim ma’ Tom Terplima li kien herqan li jtih dak li kien qiegħed jitolbu, Robert sforza lil Du Pont biex jgħaddulu  l-informazzjoni kollha b’riżultat li Phil u Robert kellhom xi jgħidu bis-serjetà. Bl-attentat biex jaqta’ qalbu, lil Du Pont bagħtulu  mijiet ta’ kaxex  b’files b’tama li l-verità ma tkunx possibbli li qatt toħroġ. X’sejjer jagħmel Robert meta jsib ma’ wiċċu dawk il-files kollha? Sejjer jaqta’ qalbu u jieqaf hemm?

Film Amerikan taħt id-direzzjoni ta’ Todd Haynes, b’kitba ta’ Mario Correa u Matthew Michael Carnahan. Il-film hu msejjes fuq artiklu li nkiteb fil-The New York Times Magazine minn Nathaniel Rich bl-isem: The Lawyer Who Became DuPont’ s Worst Nightmare. Minħabba xi kliem goff u profann kif ukoll il-qagħda tal-annimali, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li ghalqu t-tnax-il sena.