***

Direttur:          Autumn de Wilde

Atturi:              Anya Taylor-Joy, Johnny Flynn, Bill Nighy, Mia Goth, Miranda Hart, Josh O’Connor, Callum Turner, Rupert Graves u Gemma Whelan

Ħin tal-Film:    125 min

Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 U

KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      PG

Emma Woodhouse kienet preżenti għaż-żwieġ ta’ Miss Taylor ma’ Mr. Watson. Miss Taylor kienet ħabiba tal-qalb u l-governanti tagħha u kienet hi stess li indtroduċiethom lil xulxin. Il-biċċa xogħol għoġbitha li tagħmilha ta’ ħuttaba. Hekk kif marret lejn id-dar ġewwa Hartfield ma’ missierha,  ittantat tagħmilha ta’ ħuttaba billi bdiet tressaq lejn xulxin lill-ħabiba ġdida tagħha Harriet Smith ma’  Mr. Elton, il-vigarju lokali. Mr. Knightley, il-kunjatu ta’ oħtha kien kontra li tagħmel dan.

L-ewwel ħaġa li kellha tagħmel kienet li tipperswadi lil Harriet biex ma taċċetax il-proposta ta’ Robert Martin, bniedem edukat u ta’ rispett, bidwi. Harriet, kontra qalbha, għamlet dak li qaltilha Emma. Sadanittant, Mr. Elton, kien qiegħed jaħseb li Emma kienet tħobbu u għalhekk għamel kuraġġ u pproponilha. Iżda Emma qaltlu li hi kienet taħseb li hu kien jammira lil Harriet u mhux lilha.

Wara dan id-diżappunt, Mr. Elton telaq lejn Bath u meta ġie lura, ġab miegħu mara nouveau-riche  pretenzjuża. Mr. Knightley stenna li se jiġri hekk.  Harriet min-naħa tagħha u bir-raġun kienet qalbha maqsuma għal dak li ġara. Emma wkoll  iddispjaċiha ħafna li kienet hi li tatha parir ħażin. Sadanittant, Frank Churchill, iben Mr.Weston, wasal għal żjara ta’ ġimgħatejn biex jara lill-missieru. Hu għamel ħafna ħbieb. Frank, addottat minn żitu, mara sinjura u dominanti, ftit li xejn kellu ċans li jiġi aktar spiss. Mr. Knightley issuġġerixxa lil Emma. Iżda għalkemm Frank kien intelliġenti, il-karattru tiegħu xejn ma kien sod. Jane Fairfax ukoll tiġi d-dar għal ftit xhur biex tara lil zitha, Miss Bates u lil nannitha Mrs. Bates. Dan għamlitu minħabba l-qagħda ħażina finanzjarja ta’  familtha u kien hemm il-bżonn li timpjega ruħha bħala governanta.

Jane kienet tal-istess età ta’ Emma u kienet irċeviet edukazzjoni tajba  mill-Kurunell Campbell, ħabib ta’ missierha. Sfortunatament, Emma xejn ma kienet iġġib lil Jane u kienet tgħir għaliha għaliex Jane kienet tfajla b’talenti kbar u Emma kienet tiddejjaq meta Mrs. Weston u Mr. Knightley kienu ifaħħruha. Mrs. Elton ukoll tieħu lil  Jane taħt il-patroċinju tagħha u tħabbar li hi kienet lesta li ssibilha post ta’ governanta kif kien jixirqilha.  X’jiġri minn hawn?

Film msejjes fuq in-novella ta’ Jane Austin, taħt id-direzzjoni ta’ Autumn de Wilde, b’kitba ta’ Eleanor Catton. Kummiedja ħelwa, b’xenarju mill-isbaħ għalkemm bi storja kkumplikata li ma jagħmlux addattat għat-tfal iż-żgħar.