•  

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  • Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
    14 ta’ April 2019

    “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Lq 22:19). Il-kliem ta’ Ġesù assoċjat mat-twaqqif tal-misteru kbir tal-Ewkaristija huma wkoll il-kmandament li aħna nħaddnu f’din il-ġimgħa qaddisa li qegħdin inniedu llum: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.

    Dak kollu li se niċċebraw f’dawn il-jiem qaddisa huma tifkira ħajja ta’ dak kollu li għamel għalina l-Mulej Ġesù. Dak kollu li għamel għalina jinġabar fil-kliem li bih iwaqqaf l-Ewkaristija: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom […] Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b’demmi, id-demm li jixxerred għalikom” (Lq 22, 19-20). Dawn iż-żewġ verbi jridu jkunu għalina ispirazzjoni u fl-istess ħin motiv ta’ gratitudni. F’dawn il-jiem il-Mulej qiegħed ifissrilna it-tifsira profonda tal-kliem “jingħata għalikom” u “jixxerred għalikom”.

    Fil-kuntest ta’ dawn il-kliem ta’ mħabba kbira u ta’ għotja totali, il-Mulej jifhem li huwa wkoll sinjal li jmeruh, sinjal ta’ kontradizzjoni. Għax dawn il-kliem huma mill-istess Evanġelju skont San Luqa li fihom għandna wkoll ir-rakkont tal-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju meta kellu biss 40 jum. Lil ommu, Xmun il-qassis jgħidilha: “Dan għad ikun sinjal li jmeruh […] u lilek sejf jinfidlek ruħek” (Lq 2, 34-35). 

    Fost tant kontradizzjoni, fost tant tbatija, fost tant kliem aħrax ta’ kundanna li jfittex b’ħerqa kbira u b’rabja kbira l-mewt ta’ Ġesù, nisimgħu wkoll kliem li jagħti sentenza ta’ innoċenza fuq Ġesù. Fost l-għajjat tal-kapijiet tal-Lhud, Pilatu jinsisti: “Jien ma nsib ebda ħtija f’dan ir-raġel” (Lq 23:4). L-istess kliem jirrepetihom il-ħalliel, li aħna ngħidulu ‘it-tajjeb’, minn fuq is-salib tiegħu, il-ħalliel: “Dan m’għamel xejn ħażin” (Lq 23:41). Anke ċ-ċenturjun, meta jara l-ġisem ippjagat mejjet tal-Mulej, jgħid: “Dan kien tassew raġel ġust” (Lq 23:47). 

    Ġużeppi ta’ Arimatea kien wieħed mill-kapijiet imma l-qima tiegħu, flimkien ma’ dik ta’ Nikodemu, tagħtina indikazzjoni li fost il-kapijiet kien hemm ukoll min kien jemmen fl-innoċenza radikali ta’ Ġesù, min kien jemmen li hu kien qed jgħid il-verità meta nsista li hu l-Iben ta’ Alla.

    Aħna u nixtarru l-kliem ta’ Ġesù minn fuq is-salib, li jagħtina dan ir-rakkont tal-passjoni skont San Luqa, nirrealizzaw li hu, vittma innoċenti, isir ukoll avukat tagħna. “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Fir-rakkont li għadna kemm smajna, minn fuq is-salib Ġesù jiftaħ bieb il-ġenna lil wieħed mill-ħallelin: “Tassew ngħidlek illum tkun il-ġenna miegħi” (Lq 23:43).

    Kemm tkun ħaġa sabiħa li, fi tmiem ta’ ħajjitna, aħna li nittamaw fil-ħniena tal-Mulej, ikollna x-xorti nisimgħu l-istess kliem: “Illum tkun il-ġenna miegħi”.

    I would like to greet our visitors from abroad and our English speaking guests. I would like to share with you a very short reflection inspired by the extraordinary reading of the Passion of our Lord Jesus Christ according to Luke.

    In the narrative from the evangelist Luke, a number of people cry out for the condemnation of our Lord: the leaders, the people. But there also voices that proclaim him innocent: Pilate, the thief crucified with the Lord, the centurion; they all say ‘this is an innocent man’. Jesus is an innocent victim.

    In the Gospel of Luke when Jesus was still 40 days old, in the temple, Simon tells Jesus’ mother: “This child is destined for the falling and the rising of many in Israel, and to be a sign that will be opposed” (Lk 2:34). And this is what we see in the passion narrative. Jesus is completely rejected, condemned, killed but he is also proclaimed innocent.

    Before he dies, he becomes our defender, our lawyer. He tells God: “Forgive them for they do not know what they do” (Lk 23:34). To the repentant thief, Jesus says: “I truly tell you today you will be with me in Paradise” (Lk 23:43).

    As we celebrate this holy week in remembrance of all that Jesus did for our salvation, let us pray that when our day comes we may find him, our Redeemer and our saviour, that we may hear his voice telling us: “Truly I tell you, today you will be with me in Paradise”.

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     

  •  

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti