L‑Arċidjoċesi ta’ Malta u d‑Djoċesi ta’ Għawdex jikkonfermaw id-deċiżjoni li  jiddiżassoċjaw ruħhom mill‑Komunità Ġesù Salvatur. Dan wara li kummissjoni mwaqqfa mill‑Knisja semgħet l‑esperjenzi tal‑persuni kollha li xtaqu jiltaqgħu magħha, inkluż il‑mexxejja tal‑Komunità. Il‑kummissjoni tal‑Knisja kienet immexxija minn Mons. Hector Scerri, teologu u President tal‑Kummissjoni Dottrinali tal‑Konferenza Episkopali Maltija.

F’ħames xhur ta’ investigazzjoni ġie osservat li fil‑Komunità Ġesù Salvatur hemm għarfien żbaljat u mħawwad tat‑tagħlim tal‑Knisja, interpretazzjoni ħażina ta’ siltiet mill‑Iskrittura, u atteġġjament li jweġġa’ lil persuni li għaddejjin minn sitwazzjonijiet ta’ sfida fil‑ħajja.

Il‑kummissjoni tal‑Knisja kkonkludiet li rrispettivament mill‑ġid spiritwali li seta’ ħareġ mill‑Komunità tul is‑snin, dan qatt ma jista’ jiġġustifika l‑abbuż psikoloġiku u spiritwali li allegatament seħħ fil‑kuntest ta’ din il‑komunità. Bil‑għajnuna ta’ għadd ta’ esperti, ġie kkonfermat li l‑Komunità Ġesù Salvatur turi l‑karatteristiċi soċjoloġiċi ta’ komunitàmagħluqa u riġidali tikkaġuna ħsara lil bosta persuni, minkejja li l‑intenzjonijiet ta’ xi wħud li ssieħbu fil‑komunità kienu tajbin.

Għaldaqstant, permezz ta’ digriet (hawn taħt) maħruġ mill‑Konferenza Episkopali Maltija, l‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex iddeċidew li s‑saċerdoti u r‑reliġjużi m’għandhomx jieħdu sehem f’laqgħat organizzati mill‑Komunità Ġesù Salvatur; li laqgħat bħal dawn ma jistgħux isiru fi knejjes jew kappelli jew kwalunkwe proprjetà li tappartjeni lill‑Arċidjoċesi ta’ Malta, lid‑Djoċesi ta’ Għawdex, lill‑ordnijiet reliġjużi u assoċjazzjonijiet ekkleżjali tal‑lajċi; u li l‑lajċi m’għandhomx jattendu l‑attivitajiet organizzati minn din il‑komunità.

Meta jitqiesu l‑kunsiderazzjonijiet kollha dwar il‑Komunità Ġesù Salvatur u biex tgħin lill‑persuni li setgħu ġarrbu esperjenzi ta’ tbatija, il‑Knisja qed toffri servizz ta’ sapport mingħajr ħlas minn professjonisti. Dawk li jixtiequ din l‑għajnuna jistgħu jċemplu fuq il‑helpline 25906510 (waqt il‑ħinijiet tal‑uffiċċju) jew jibagħtu imejl fuq [email protected].

02-MT-DIGRIET-KGS

Agħfas hawn biex tniżżel id-digriet.