-
L-Isqfijiet jixtiequ jagħtu assikurazzjoni lill-pubbliku li l-ħarsien tal-minuri huwa dejjem fost il-miri prinċipali tad-Djoċesijiet immexxija minnhom, u li l-liġijiet, kemm tal-Knisja kif ukoll tal-Istat, huma dejjem osservati u esegwiti f’din il-materja bħal f’kull materja oħra.
Kif inhu magħruf, fil-ħarifa tas-sena 2014 l-Isqfijiet flimkien mas-Superjuri Maġġuri Reliġjuzi ta’ Malta u ta’ Għawdex adottaw u ppubblikaw il-policy il-ġdida dwar kif jiġu mistħarrġa allegazzjonijiet ta’ abbuż ta’ minuri minn membri tal-kleru u reliġjużi u minn funzjonarji pastorali oħra. Fil-bidu ta’ din is-sena, l-istess awtoritajiet ekkleżjastiċi nnominaw grupp ta’ esperti biex jiffurmaw il-Kummissjoni għall-Ħarsien tat-Tfal u l-Adulti Vulnerabbli (imsejħa wkoll Safeguarding Commission) immexxija mill-Head of Safeguarding, is-Sur Andrew Azzopardi. Din il-Kummissjoni ilha taħdem minn Frar ta’ din is-sena.
Skont din il-policy u l-liġi tal-Knisja, meta ssir allegazzjoni ta’ abbuż fuq minuri minn saċerdot,
l-Isqof immedjatament jillimita jew jissospendi l-ministeru pastorali tas-saċerdot biex dan ma jkollux iżjed kuntatt ma’ minuri, u jirreferi l-każ lis-Safeguarding Commission għall-investigazzjonijiet meħtieġa. Il-liġi ċivili li tkun applikabbli tiġi wkoll osservata. Jekk fi tmiem il-proċess, skont il-liġi tal-Knisja l-akkuża tigi ppruvata, is-saċerdot jingħata l-piena applikabbli. Din il-piena tista’ tkun ta’ restrizzjoni permanenti tal-ministeru saċerdotali jew dimissjoni (jiġifieri tneħħija mill-istat klerikali).
L-Isqfijiet jaqblu li b’effett immedjat kull deċizjoni definittiva li biha jkun hemm restrizzjoni permanenti tal-ministeru saċerdotali jew tneħħija mill-istat klerikali, il-pubbliku jiġi mgħarraf permezz tal-websites tad-Djoċesijiet – www.maltadiocese.org u www.gozodiocese.org.
Din hija b’żieda mal-prassi diġà mħaddma s’issa li deċiżjonijiet bħal dawn jiġu mgħarrfa bihom il-kappillan tal-parroċċa fejn is-saċerdot ikun qed jgħix. Dawn is-saċerdoti jinqatgħu ukoll mil-lista uffiċjali tal-kleru.
✝ Charles J. Scicluna ✝ Mario Grech
Arċisqof ta’ Malta Isqof ta’ Għawdex