Nhar il-Ħamis, il-Papa Franġisku se jippubblika Enċiklika ġdida dwar il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, fil-kuntest ta’ dinja “li donnha tilfet il-qalb tagħha”.
Dilexit nos (Huwa ħabbna) se tkun ir-raba’ enċiklika tal-Papa Franġisku, u se toħroġ fi żmien ta’ sfidi globali qawwija, fejn id-dinja hi mmarkata minn gwerer, żbilanċi soċjali u ekonomiċi, konsumeriżmu bla rażan, u tekonoloġiji li qed jheddu lin-natura umana.
B’dan id-dokument, il-Papa Franġisku se jsejjaħ għal bidla fil-perspettiva, u jħeġġeġ lill-umanità tiskopri mill-ġdid dak li hu l-aktar essenzjali: il-qalb.
It-tħabbira tal-Papa
It-titlu sħiħ tal-enċiklika, “Dilexit Nos – Ittra Enċiklika dwar l-Imħabba Umana u Divina tal-Qalb ta’ Ġesù Kristu”, ġie kkonfermat illum mis-Sala Stampa tal-Vatikan, li qalet ukoll li din se tiġi ppubblikata fl-24 ta’ Ottubru.
Il-Papa kien diġà żvela l-intenzjoni tiegħu li jippubblika d-dokument waqt l-Udjenza ġenerali tal-5 ta’ Ġunju fi Pjazza San Pietru, fix-xahar tradizzjonalment iddedikat lill-Qalb ta’ Ġesù.
Dakinhar, il-Papa Franġisku esprima t-tama tiegħu li t-test iservi ta’ stedina għar-riflessjoni fuq aspetti tal-imħabba tal-Mulej li jistgħu jdawlu l-mixja lejn tiġdid ekkleżjali u jagħmlu sens għal “dinja li donnha tilfet il-qalb tagħha”.
Innota wkoll li l-enċiklika se tiġbor riflessjonijiet minn tagħlim ta’ Papiet oħra u t-tradizzjoni għanja tal-Iskrittura, biex tgħin lill-Knisja terġa’ tiskopri din id-devozzjoni spiritwali profonda.
Id-Dehra tal-1673
L-enċiklika se tkun qed tara d-dawl fil-kuntest taċ-ċelebrazzjonijiet li għaddejjin mit-350 anniversarju tal-ewwel dehra tal-Qalb ta’ Ġesù lil Santa Margerita Marija Alacoque fl-1673.
Fis-27 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena, Ġesù deher lis-soru żagħżugħa Franċiża ta’ 26 sena, membru tal-Kongregazzjoni tal-Viżitazzjoni, u fdalha l-missjoni li xxerred l-Imħabba tiegħu, speċjalment għall-midinbin. Dawn id-dehriet, li seħħu fil-kunvent ta’ Paray-le-Monial f’Bourgogne, komplew għaddejjin għal 17-il sena.
Kristu wera l-Qalb tiegħu mdawra bil-fjammi u kuruna tax-xewk – simbolu tal-ġrieħi li jagħmlulu d-dnubiet tal-bnedmin. Talab li l-jum tal-Ġimgħa wara l-Festa ta’ Corpus Christi jiġi ddedikat lill-Qalb Imqaddsa tiegħu. Għalkemm għall-bidu ftit fehmuha tajjeb, fosthom l-istess sħabha s-sorijiet, Santa Margerita Marija żammet sod fil-missjoni tagħha li turi l-imħabba ta’ Krisu lid-dinja.
L-“Haurietis Aquas” ta’ Piju XII
Fl-1956, il-Papa Piju XII ħareġ l-Haurietis Aquas, enċiklika bl-għan li tqanqal mill-ġdid id-devozzjoni fi żmien meta kienet qed tonqos. Il-Papa Piju saħaq fuq l-importanza tad-devozzjoni għall-bżonnijiet tal-Knisja u l-potenzjal tagħha bħala “standard ta’ salvazzjoni” għad-dinja moderna.
Il-Papa Benedittu, f’ittra li fakkret il-50 sena minn dak id-dokument, reġa’ ħeġġeġ għad-devozzjoni u qal: “Dan il-misteru tal-imħabba ta’ Alla għalina mhux biss hu l-kontenut tad-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù; hu wkoll fil-qalba ta’ kull spiritwalità Nisranija vera”.
Id-devozzjoni tal-Papa Franġisku
Il-Papa Franġisku minn dejjem wera devozzjoni qawwija lejn il-Qalb ta’ Ġesù, u spiss rabatha mal-missjoni tas-saċerdot. Fl-2016, għalaq il-Ġublew tas-Saċerdoti fis-Solennità tal-Qalb ta’ Ġesù, u ħeġġeġ lill-qassisin jorjentaw qlubhom bħal dik tar-Ragħaj it-Tajjeb lejn dawk li ntilfu jew tbiegħdu.
Fl-istess Ġublew, fl-ewwel Meditazzjonijiet tal-Ħniena tiegħu, Franġisku rrakkomanda lill-isqfijiet u s-saċerdoti biex jerġgħu jaqraw Haurietis Aquas, u osserva li “l-qalb ta’ Kristu hi fil-qalba tal-ħniena. Din hi n-natura tal-ħniena: tħammeġ idejha, tmiss, tidħol, u tersaq qrib tal-oħrajn”.
Ir-raba’ enċiklika tal-Papa
Dilexit nos se tkun ir-raba’ enċiklika tal-Papa Franġisku, wara Lumen fidei (Ġunju 2013), miktuba ma’ Benedittu XVI; Laudato si’ (Mejju 2015), dwar il-kriżi ambjentali u l-ħtieġa ta’ għożża għall-ħolqien; u Fratelli tutti (Ottubru 2020), li ssejjaħ għall-fraternità globali u ħbiberija soċjali f’dinja mfarrka mill-pandemija u l-kunflitti, fosthom gwerer miġġielda f’isem Alla.
Dilexit nos se tiġi ppreżentata fil-Vatikan nhar l-24 ta’ Ottubru minn Mons. Bruno Forte, teologu u Arċisqof ta’ Chieti-Vasto, flimkien ma’ Swor Antonella Fraccaro, Superjura Ġenerali tad-Dixxipli tal-Vanġelu.
Sors: Newsbook Malta