Fi tmiem laqgħa tal‑Konferenza Episkopali Maltija, li saret illum, it‑Tlieta 2 ta’ Ġunju, l‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ħabbar li mis‑Sibt‑13 ta’ Ġunju filgħaxija u l‑Ħadd 14 ta’ Ġunju, festa ta’ Corpus Christi (Solennità tal‑Ġisem u d‑Demm Għażiż tal‑Mulej), ser jerġa’ jibda jiġi ċċelebrat il‑Quddies bil‑preżenza tal‑pubbliku, fil‑knejjes f’Malta u Għawdex. Din id‑deċiżjoni tal‑Isqfijiet ittieħdet b’konsultazzoni mal‑Awtoritajiet tas‑Saħħa.
Bil‑għan li l‑knejjes ikunu mħejjija, qed isiru numru ta’ laqgħat mal‑kappillani u mal‑voluntiera li jgħinu fil‑knejjes biex ikunu mħarrġa fuq il‑miżuri ta’ prekawzjoni li ser jittieħdu fil‑postijiet fejn ser tkun qed tiġi ċċelebrata l‑Ewkaristija. Id‑direttivi tal‑Isqfijiet li qed jiġu ppubblikati fuq il‑website tal‑Arċidjocesi ta’ Malta knisja.mt jistabilixxu l‑proċeduri li jridu jiġu osservati qabel, waqt u wara l‑Quddiesa.
Il‑prinċipji li fuqhom huma bbażati dawn id‑direttivi rigward il‑miżuri ta’ prevenzjoni huma d‑distanza soċjali tal‑kongregazzjoni, l‑użu ta’ visor jew maskra, u s‑sanitizzazzjoni. Biex jiġu rispettati dawn il‑miżuri f’kull knisja ser jiġi stipulat l‑ammont massimu ta’ nies li jistgħu jattendu għall‑Quddies, kemm jekk din issir fil‑knisja u kemm jekk issir fil‑miftuħ. Dan in‑numru ser ikun ibbażat fuq il‑kobor ta’ kull knisja.
Bl‑istess mod li qed isir fil‑preżent għall‑funerali, ser tittieħed it‑temperatura ta’ min ikun dieħel fil‑knisja għall‑Quddiesa, filwaqt li fuq ġewwa ser ikun hemm sinjali apposta fejn il‑persuni jistgħu joqogħdu waqt li jirrispettaw id‑distanza. Persuni bid‑deni jew sintomi ta’ influwenza ma jitħallewx jidħlu għall‑Quddiesa.
Waqt il‑Quddiesa fl‑ebda ħin m’għandu jkun hemm kuntatt fiżiku ma’ persuni oħra, lanqas fl‑għoti tal‑paċi. Għat‑Tqarbin, il‑persuni jintalbu jibqgħu f’posthom u jkun is‑saċerdot li jmur iqarben fl‑idejn lil dawk preżenti b’visor, wara li jkun ħasel idejh bis‑sanitiser. L‑istqarrija ta’ fidi fejn is‑saċerdot jgħid “Il‑Ġisem ta’ Kristu” u l‑persuna li qed titqarben twieġeb “Ammen” tingħad darba biss minn fuq l‑artal. Fi tmiem il‑Quddiesa, dawk preżenti jridu joħorġu b’mod ordnat u b’ħarsien tal‑miżuri tad‑distanza soċjali.
Id‑deċiżjoni tal‑Isqfijiet tat‑12 ta’ Marzu li għadda, li permezz tagħha l‑Insara ngħataw dispensa mill‑obbligu tal‑Quddies ta’ nhar ta’ Ħadd, għalissa ser tibqa’ fis‑seħħ. Ser tibqa’ wkoll tixxandar il‑Quddiesa ta’ kuljum fuq TVM2, Knisja.mt u Newsbook.com.mt kif sar mit‑13 ta’ Marzu li għadda.
Il‑miżuri ta’ prevenzjoni li qed jiġu implimentati fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta u d‑Djoċesi ta’ Għawdex ser ikunu qed jiġu evalwati b’mod regolari u b’konsultazzjoni mal‑Awtoritajiet tas‑Saħħa.
Niżżel il-miżuri ta’ prevenzjoni minn hawn.