Ġie ppublikat id-direttorju tal-Knisja għas-sena 2013 b’aktar minn 530 paġna ta’ tagħrif aġġornat, bil-Malti u bl-Ingliż, dwar l-istrutturi, l-oqsma u l-entitajiet kollha tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Id-direttorju Ekkleżjastiku jinkludi tagħrif dettaljat dwar il-Kurja ta’ Malta, is-Segretarjat u l-Kummisjonijiet tal-Knisja, il-parroċċi, l-Ordnijiet Reliġjużi, l-Istituzzjonijiet, l-Għaqdiet u l-Movimenti, id-Djar tal-Anzjani u Skejjel tal-Knisja.

It-taqsima dwar il-parroċċi fiha tagħrif dwar l-għadd ta’ parruċċani u ta’ familji; Quddies matul il-ġimgħa, fil-Ħdud u l-Festi; purċissjonijiet; lista ta’ l-għaqdiet u movimenti reliġjużi rappreżentanti fil-parroċċa; in-numru ta’ Magħmudijiet, l-Ewwel Tqarbina, Griżma tal-Isqof, Żwiġijiet u Funerali tas-sena ta’ qabel f’kull parroċċa; u l-knejjes u kappelli fejn jistgħu jiġu ċċelebrati ż-żwiġijiet.

Id-Direttorju jinkludi wkoll l-ismijiet tal-qassisin kollha ta’ Malta, flimkien ma’ l-indirizz tar-residenza, in-numru tat-telefon u indirizzi ta’ l-email, tagħrif dwar saċerdoti, reliġjużi u lajċi Maltin li qed jagħtu servizz lill-Knisja f’pajjiżi oħrajn; ġabra fil-qosor tal-ġrajjiet fl-Arċidjoċesi fis-sena 2012; u taqsima dwar id-Djoċesi ta’ Għawdex u saċerdoti f’Għawdex.

Id-Direttorju Ekkleżjastiku 2013 ġie editjat minn Mons. Joe Magro u qed jinbiegħ għall-prezz ta’ 15-il Ewro mill-Kurja tal-Arċisqof u mill-Istitut Kattoliku l-Furjana, mill-‘Media Centre’ l-Blata l-Bajda, u minn ‘Emmaus’, f’Birkirkara.