Il‑Kongregazzjoni għall‑Evanġelizzazzjoni tal‑Popli tas‑Santa Sede ħatret lil Dun Victor Agius bħala direttur ġdid ta’ MISSIO Malta għall‑ħames snin li ġejjin (2023‑2028).
Il‑MISSIO għandu l‑għan li jgħin lill‑Papa fit‑tixrid tal‑ispirtu missjunarju fost il‑qassisin, reliġjużi, adulti u tfal u jinkoraġġixxi l‑għajnuna lill‑foqra permezz ta’ għajnuna finanzjarja għal proġetti f’pajjiżi tat‑Tielet Dinja. Il‑MISSIO jieħu ħsieb ukoll ix‑xandir tal‑Kelma ta’ Alla f’dawk il‑pajjiżi li qatt ma ġew evanġelizzati.
Dun Victor Agius għandu 73 sena u ilu 48 sena saċerdot. Wara esperjenza f’parroċċa, attenda kors fl‑ispiritwalità tal-komunjoni fi Frascati fi ħdan il‑Moviment tal‑Fokolari. Wara wettaq il‑ministeru pastorali tiegħu bħala missjunarju fil‑Filippini, f’żewġ parroċċi: f’Manila (1977‑1983) u fi skola ta’ taħriġ għall‑qassisin u seminaristi f’Tagaytay City, Cavite, l‑ewwel bħala assistent direttur u mbagħad bħala direttur (1983‑2002). Dun Agius wettaq servizz pastorali fil‑Makaw (2002‑2004) waqt li kien qed jistudja l‑lingwa Ċiniża, u aktar tard fil‑Kanada fil‑parroċċa tal‑Martri Ċiniżi f’Markham, Ontario (2004‑2006). Kien responsabbli mis‑seminaristi tal‑Moviment tal‑Fokolari fi Grottaferrata, Ruma, u membru tal‑Kunsill Ġenerali tal‑istess Moviment (2006‑2009). Dun Agius irritorna l‑Filippini bħala direttur tal‑iskola ta’ taħriġ għas‑saċerdoti u s‑seminaristi (2009‑2014).
Mill‑2014 ’l hawn wettaq il‑ministeru pastorali tiegħu f’Malta fil‑parroċċa ta’ Marsaskala.