• L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Mons. Charles Attard bħala Direttur tal-Moviment ta’ Kana.

      Mons. Charles Attard twieled fis-16 ta’ Ottubru 1949. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja fl-iskola tas-Siġġiewi u l-edukazzjoni sekondarja fis-Seminarju tal-Arċisqof, il-Furjana. Kompla l-istudji terzjarji (Filosofija u Teoloġija) fl-Università ta’ Malta.

      Mons. Attard ġie ordnat saċerdot fid-19 ta’ Ġunju 1977. Beda l-ħidma pastorali tiegħu bħala Viċi-Kappillan fil-Parroċċa ta’ Ħal Kirkop u f’San Ġużepp Ħaddiem, Birkirkara. Fl-1980 inħatar Kappillan fil-Parroċċa ta’ Ħal Għargħur, u fl-1984 inħatar Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ. Fl-2006 inħatar Arċipriet fil-Parroċċa taż-Żurrieq. Dun Charles serva wkoll bħala Direttur Spiritwali fl-iskola primarja taż-Żurrieq.

  • Il-Moviment ta’ Kana għandu l-iskop li jġib ‘il quddiem il-familja u r-relazzjoni taż-żwieġ bħala waħda dejjiema u miftuħa għall-ħajja. Dan billi jgħin lill-għarajjes iħejju għaż-żwieġ, li jgħin lill-koppji jsaħħu ż-żwieġ u l-familja, u li jieqaf mal-koppji meta r-relazzjoni tagħhom tkun f’diffikultà. Il-Moviment ta’ Kana beda l-ħidma tiegħu fl-1952 u twaqqaf uffiċjalment fl-1956. F’aktar minn 60 sena li ilu mwaqqaf, il-Moviment ta’ Kana għen eluf ta’ koppji fi tħejjija tagħhom għal żwieġ Nisrani.