Wara s-suċċess li kisbu s-sensiela ta’ podcasts “Rethink”, ispirati miż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta, se ssir diskussjoni pubblika nhar il-Ħamis l-1 ta’ Ġunju fil-Belt Valletta.
Din is-sensiela ta’ podcasts imtellgħa minn Mark Cachia mill-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, li xxandru wkoll fuq 103 Malta’s Heart, kellha għadd ta’ mistiedna fosthom attivisti, akkademiċi, politiċi u membri tal-kleru li jiddiskutu r-realtà Maltija.
Din id-diskussjoni se titratta diversi temi fosthom l-immigrazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, il-wirt kulturali, il-governanza, is-sistemi ekonomiċi, u l-Knisja f’Malta.
“Rethink” stiednet lill-pubbliku sabiex jattendi għad-djalogu pubbliku li se jkun ikkoordinat minn Cachia. “Rethink” saħqet li d-diskussjoni se tiffoka fuq l-opinjonijiet tal-parteċipanti.
“Dan l-avveniment huwa opportunità biex nesploraw perspettivi diversi li nafu jew ma nafux bihom, kif ukoll sabiex naraw stampa ċara tar-realtajiet f’Malta. Aħna nemmnu fl-importanza li nimxu ‘l quddiem, nazzardaw nerġgħu nimmaġinaw u naħsbu mill-ġdid dwar soċjetà li tiffunzjona,” żiedet “Rethink”.
L-attività se ssir nhar il-Ħamis, l-1 ta’ Ġunju fis-7pm fl-ewwel sular ta’ Is-Suq tal-Belt, il-Belt Valletta. Min hu interessat li jattendi jista’ jirreġistra hawn.
Sors: Newsbook Malta