‘Lejn liturġija li tattirana u tbiddilna’ huwa s-suġġett li ntagħżel għall-Aġġornament tal-Kleru 2023 sabiex is-saċerdoti djoċesani u reliġjużi jifhmu b’mod aħjar kif il-liturġija, jiġifieri ċ-ċelebrazzjonijiet kollha tal-Knisja li fihom l-Insara jagħtu qima lil Alla, tkabbar fihom u fil-poplu ta’ Alla l-ispirtu ta’ talb, u b’mod partikulari li l-Liturġija twassal għal-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt.

Għal dawn it-tlitt ijiem ta’ diskussjoni ġie mistieden Fra Goffredo Boselli bħala l-kelliem ewlieni. Fra Boselli hu liturġista Taljan rinomat u awtur ta’ għadd ta’ kotba f’dan il-qasam. Matul l-aġġornament tħaddet dwar kif is-saċerdoti huma ffurmati mil-liturġija fid-dawl tal-ittra tal-Papa Franġisku Desiderio desideravi. Fit-taħditiet tiegħu Fra Boselli għen lis-saċerdoti jifhmu aħjar it-tifsira tal-ġesti u l-kliem li jintużaw waqt iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ qima, u kif il-liturġija tibdilna biex ta’ kuljum inkunu persuni aħjar.

L-Arċisqof Charles Jude Scicluna għalaq dan l-Aġġornament tal-Kleru b’messaġġ ta’ inkoraġġiment biex kull saċerdot jieħu ħsieb il-ħajja tiegħu nnifsu u fakkarhom fl-impenn pastorali lejn il-poplu t’Alla, l-aktar fil-mod kif tiġi ċċelebrata l-quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd.

L-Aġġornament tal-Kleru ġie organizzat bejn it-22 u l-24 ta’ Mejju 2023 fis-Seminarju tal-Arċisqof.

Aktar ritratti