Id-Djoċesi ta’ Għawdex għaddiet ċekk ta’ €20,000 lid-Dar tal-Providenza li nġabru mid-Djoċesi fil-kampanja li saret minn RTK4Charity fl-Open Day li saret fid-Dar fl-ewwel ta’ Jannar li għadda. Dan sar is-Sibt waqt żjara li Mons Isqof Mario Grech għamel fid-Dar fis-Siġġiewi. Hu ltaqa’ mar-residenti tad-Dar kif ukoll mal-care workers li jaħdmu hemm. Tkellem ukoll mad-Direttur, Fr Martin Micallef u mal-kollaboraturi tiegħu.
F’kelmtejn li għamel liż-zgħażagħ li bħalissa qegħdin jitħejjew għall-Maratona tal-Volleyball li se tiġi organiżżata b’risq l-istess Dar, Mons Isqof Grech qal li f’soċjeta’ li aktar ma tmur aktar qed issir individwalista huwa ta min ifaħħar u jinkoraġġixxi dan il-ġest sabih ta’ volontarjat b’risq għan tassew nobbli. Huwa semma ukoll kemm hija għażiża din id-Dar tal-Providenza għas-soċjeta’ Maltija u ħeġġeġ lill-Maltin u l-Għawdxin kollha biex jibqgħu isostnuha fil-missjoni qaddisa tagħha.
Matul iż-żjara, Mons Isqof kien akkumpanjat mill-Kan. Dun Mikiel Borg, Direttur tal-Uffiċċju ta’ Promozzjoni Umana tad-Djoċesi t’Għawdex u minn Dun Eddie Zammit, Assistent Personali tiegħu.