Studenti tat-Teoloġija jagħsru 250Kg larinġ u jiġbru €4,200
Il-membri tal-Għaqda Studenti tat-Teoloġija, matul it-2 u 3 ta’ Diċembru ġabru total ta’ €4,200 b’risq it-tfal tal-Preventice Care Unit. Madwar €1.600 inġabru mill-istudenti fuq il-campus ta’ l-Universita’ waqt il-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi bl-isem ‘Make my HOUSE a HOME’, li matulha inbiegħu kejkijiet u ħelu ieħor flimkien ma’ xarba ta’ larinġ magħsur. Ta’ min isemmi ukoll li l-MUSC (Malta University Sports Club) organizzaw tournaments tal-volleyball u tal-basketball għall-istess għan. Din hija d-disa’ darba li l-GħST organizzat din l-attivita’.
Il-Kumplament tal-flus inġabru mis-semmiegħa ta’ Radju RTK, li f’dawn l-aħħar jumejn segwew ix-xandiriet li wassal l-RTK mill-Universita’ matul il-kampanja. Il-President tal-Għaqda Studenti tat-Teoloġija, Brian Gialanze’ qal li l-GħST jħossuhom kuntenti u sodisfatti għaliex bl-isforz u l-impenn tagħhom fil-preparazzjoni ta’ din il-kampanja qegħdin jgħinu lil dawn it-tfal li huma fil-bżonn, l-aktar f’dawn il-ġranet tal-ġrajja tal-Milied. Brian Gialanze’, f’isem l-GħST rringrazzja lill-istudenti kollha li taw is-sehem tagħhom, l-awtoritajiet tal-Universita’, l-Precinct’s Office u fuq kollox lil Radju RTK li kull sena tahom l-għajnuna tiegħu biex iwettqu din l-attivita’. L-GħST tixtieq tirringrazzja ukoll lil ħafna sponsors u persuni li taw il-kontribut tagħhom billi offrew kejkijiet jew larinġ li jinbiegħu lill-istudenti. Din is-sena l-kampanja saret b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Moviment Kattoliku Studenti Universitarji, maċ-Chaplaincy ta’ l-Universita’, u ma’ għaqdiet studenteski oħrajn.
Ritratt: Photocity, Valletta