Nicolas Sarkozy

Il-Knejjes Insara ta’ Franza sejħu lill-President Franċiż Nicolas Sarkozy sabiex iħeġġeġ lill-mexxejja tad-dinja li għandhom jattendu l-laqgħa tal-Ġnus Maqgħuda f’Copenhagen “sabiex jiftħu toroq ġodda għal umanita f’periklu. Hija ħtieġa importanti b’sens qawwi ta’ tama”.

It-test tal-appell, li kien ippubblikat, hu ffirmat mill-ko-Presidenti tal-Kunsill tal-Knejjes Insara fi Franza, li huwa l-Kardinal Andre Vingt-Trois; il-President tal-Konferenza tal-Isqfijiet Franċiżi, Pastor Claude Baty; il-President tal-Federazzjoni tal-knejjes Protestanti, kif ukoll il-Metroplitan Emmanuel f’isem l-Assemblea tal-Isqfijiet Ortodossi ta’ Franza.

“Bħala rappreżentanti tal-Knejjes Insara ta’ Franza, aħna nemmnu li d-dinja hija rigal minn Alla. Huwa afdaha lilna biex namministrawha b’rispett u ġustizzja għall-ġid ta’ kulħadd”. Ma naqasx li ssir rimarka dwar l-ifqar popli tad-dinja li ngħad li huma l-vittmi ewlenin tal-inġustizzja. Intqal li issa hu meħtieġ impenn konkret, b’bidla fl-istil ta’ ħajja bil-għan li jsir użu tajjeb mir-riżorsi tad-dinja. “Nittamaw li l-konferenza f’Copenhagen tagħmel passi ‘il quddiem f’din id-direzzjoni”.