L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix?” (Ġw 14:9) Dan hu l-kliem li smajna lil Ġesù jgħid fl-Evanġelju tal-lum. Hawn qiegħed fl-Aħħar Ċena. Qisu Ġesù ħadha bi kbira għax Filippu kien għadu kif qallu “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina” (Ġw 14:8). U Ġesù qallu: int ilek tant miegħi u għadek ma għaraftnix, li jien fil-Missier u l-Missier fija? Jgħidlu: “Min ra lili, ra lill-Missier ukoll” (Ġw 14:9).
Filippu kien, fil-fatt, wieħed mill-ewwel dixxipli ta’ Ġesù. Insibuh fl-Evanġelju skont San Ġwann, imsemmi f’mumenti importanti tal-ħajja ta’ Ġesù. Fil-bidu nett, kien hu li wieġeb għas-sejħa ta’ Ġesù biex jimxi warajh, u mar u sab lil Natanael, u qallu: “Sibna lil dak li fuqu kitbu Mosè fil-Liġi, u l-profeti fil-kotba tagħhom: Ġesù minn Nażaret” (Ġw 1:45). U meta Natanael kien xettiku u qallu “Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nażaret?” – it-tweġiba ta’ Filippu kienet “ejja u ara” (Ġw 1:46), bħalma Ġesù kien qal lill-ewwel dixxipli tiegħu “ejjew u araw” (Ġw 1:39).
Din il-kelma “ejja u ara” hi karatteristika ta’ fejn insibu lil Filippu fl-Evanġelju. Qisha hi dik li tispjegalna, għaliex fil-mumenti fejn insibu lil Filippu, Ġesù juri, jirrivela aktar lilu nnifsu. Dal-kliem ifakkarna f’dawk il-Griegi li riedu jaraw lil Ġesù, u sabu lil Filippu u qalulu: “Nixtiequ naraw lil Ġesù” (Ġw 12:21). Filippu ħadhom għand Indrì, u mbagħad ħaduhom għand Ġesù. Għalhekk ressaq anke lill-Griegi għand Ġesù, biex jarawh.
[San Filippu u San Ġakbu] tħabtu biex ikunu jafuh aktar lil Ġesù, imma l-qawwa ta’ Alla għenithom biex jagħrfuh u biex jużaw il-kwalitajiet tagħhom biex iwassluh
F’mument ieħor Filippu kien hemm meta Ġesù għamel dak il-miraklu fejn tema’ ħamest elef ruħ b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. Imma qabel il-miraklu, l-Evanġelju jgħid li Ġesù staqsa lil Filippu, “biex jippruvah” (Ġw 6:6), minn fejn setgħu jixtru l-ikel għal dawk in-nies, u Filippu qallu: “mitejn dinar ħobż ma jkunx biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit” (Ġw 6:7). Imma mbagħad, meta Ġesù għamel il-miraklu, hemmhekk ra, għaraf ħafna aktar min kien Ġesù.
Filippu baqa’ hekk sal-Aħħar Ċena, kif rajna fl-Evanġelju, meta jistaqsi lil Ġesù. Bħala dixxiplu ta’ Ġesù, kien jara, jifhem, ma jifhimx għalkollox, jitħabat biex jifhem, jagħraf bil-mod il-mod – din kienet il-ħajja ta’ Filippu ma’ Ġesù, sal-mument meta wara l-qawmien ta’ Ġesù, u l-inżul tal-Ispirtu s-Santu, hu flimkien ma’ sħabu saru dawk li jwasslu l-Aħbar it-Tajba, li jressqu lin-nies lejn Ġesù bil-qawwa ta’ Alla.
Għalhekk, illum, aħna u niċċelebraw lil Filippu, u lil Ġakbu – appostlu ieħor li ftit nafu fuqu – niftakru li dawn kienu tnejn mit-tnax li Ġesù sejjaħ biex ikunu qrib tiegħu. Lilna jgħallmuna ħafna u jagħmlulna ħafna kuraġġ. Dawn huma l-ġebel tal-pedament għall-Knisja. Juruna li mhux bil-ħila tagħhom, jew bil-kapaċità tagħhom, jew bl-għerf tagħhom li għamlu dak li għamlu, imma bil-qawwa ta’ Alla li għenithom biex huma jegħlbu wkoll il-biża’, jifhmu aktar; tħabtu biex ikunu jafuh aktar lil Ġesù, imma l-qawwa ta’ Alla għenithom biex jagħrfuh u biex jużaw il-kwalitajiet tagħhom biex iwassluh. Din hi wkoll is-sejħa li jagħmlu lilna dawn iż-żewġ appostli, Filippu u Ġakbu, aħna li bil-magħmudija rċevejna din is-sejħa mingħand Alla biex nagħtu xhieda għal Ġesù. Jgħinna wkoll, anke jekk mhux dejjem nifhmu għalkollox u nitħabtu biex nagħrfu, biex naraw, bħalma kienet l-istorja ta’ Filippu, u jagħtina l-qawwa biex aħna wkoll inkunu xhieda tiegħu u nwasslu l-imħabba tiegħu lill-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju