Għeżież ħuti minn Ruma u mid-dinja kollha, il-Milied it-tajjeb!

Jalla l-Mulej Ġesù mwieled mill-Verġni Marija, iġib lil kulħadd l-imħabba t’Alla, għajn ta’ fiduċja u tama; u, jġib ukoll id-don tal-paċi li l-anġli ħabbru lir-rgħajja ta’ Betlehem: “Glorja ‘l Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin li huwa jħobb” (Lq 2,14).

F’dal-jum ta’ festa ndawru ħarsitna lejn Betlehem.  Il-Mulej jiġi fid-dinja fi grotta u jitqiegħed f’maxtura tal-annimali, għax il-ġenituri tiegħu ma setgħux isibu kenn minkejja li għal Marija kien wasal żmien il-ħlas.  Jiġi fostna fid-dalma tal-lejl, għax Iben Alla m’għandux bżonn rifletturi, lanqas il-ħamba tal-ilħna umani.  Hu nnifsu huwa l-Kelma li tagħti sens lill-eżistenza.  Hu d-dawl li jdawwal il-mixja.  “Ġie fid-dinja d-Dawl veru – jgħidilna l-Evanġelju -, dak li jdawwal lil kull bniedem” (Ġw 1,9).

Ġesù li jitwieled fostna huwa Alla magħna.  Jiġi biex jakkumpanja l-ħajja tagħna ta’ kuljum, biex jaqsam kollox magħna, ferħ u niket, tamiet u nkwiet.  Jiġi bħala tarbija dgħajfa.  Jitwieled fil-kesħa, fqir fost il-fqar, fil-bżonn ta’ kollox, iħabbat fuq bieb il-qalb tagħna biex isib sħana u kenn. 

Bħar-rgħajja ta’ Betlehem, inħallu d-dawl tiegħu jiksina u mmorru naraw is-sinjal li tana Alla.  Ejjew negħlbu l-ħedla tar-raqda spiritwali u l-immaġni falza tal-festa li jġiegħeluna ninsew lil min qed nagħmlu festa.  Ejjew naħarbu mill-konfużjoni li tilloppja l-qalb u tridna nħejju t-tiżjin u r-rigali aktar milli nikkuntemplaw il-Ġrajja: Iben Alla mwieled għalina.

Ħuti, induru lejn Betlehem fejn qed tidwi l-ewwel tinwieħa tal-Prinċep tal-Paċi. Iva, għaliex Hu stess, Ġesù, Hu l-paċi tagħna; dik il-paċi li d-dinja ma tistax tagħti u li Alla l-Missier irregala lill-umanità meta bagħat lil Ibnu fid-dinja.  San Ljun il-Kbir għandu sentenza, li, fl-espressjoni konċiża tal-ilsien Latin tiġbor fiha l-messaġġ ta’ dan il-jum: “Natalis Domini, Natalis est pacis”; “Il-Milied tal-Mulej hu l-Milied tal-paċi” (Sermone 26,5).

Ġesù Kristu huwa wkoll it-triq tal-paċi.  Bl-inkranazzjoni, il-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu Hu fetħilna mogħdija minn dinja magħluqa, mgħakksa mid-dlam tal-mibegħda u tal-gwerra, lejn dinja miftuħa, ħielsa, li tgħix fil-fraternità u fil-paċi.  Ħuti, ejjew interrqu dit-triq!  Imma biex nagħmlu dan, biex ikollna ħila nimxu wara Ġesù, jeħtieġ ninħelsu mit-toqol li jfixkilna u li jżommna blokkati.

U liema huma dawn il-piżijiet?  Liema hi “s-saborra”? Huma l-istess passjonijiet negattivi li ma jippermettux lir-re Erodi u s-segwitu tiegħu jagħrfu u jilqgħu it-twelid ta’ Ġesù: jiġifieri, ir-rabta mal-poter u l-flus, is-suppervja, l-ipokrisija, il-gideb.  Dawn il-piżijiet jimbarrawlna t-triq lejn Betlehem, jeskluduna mill-grazzja tal-Milied u jagħlqu t-triq lejn il-paċi.  U, fil-fatt, irridu nammettu b’għafsa ta’ qalb, waqt li qed jingħatalna l-Prinċep tal-paċi, rwiefen tal-gwerra għadhom jonfħu nġazzati fuq l-umanità.

Jekk irridu li jkun Milied, il-Milied ta’ Ġesù u tal-paċi, inħarsu lejn Betlehem u nwaħħlu ħarsitna fuq il-wiċċ tat-Tarbija li tiweldet għalina!  U f’dak il-wiċċ ċkejken u innoċenti, naraw dak tat-tfal li f’kull rokna tad-dinja huma mxenqin għall-paċi.

Ħarsitna timtela bl-uċuħ ta’ ħutna Ukrajni li qed iqattgħu dal-Milied fid-dlam, fil-kesħa u ‘l bogħod minn djarhom, minħabba l-qerda li ġabu magħhom għaxar xhur ta’ gwerra.  Il-Mulej jgħinna nkunu lesti biex nagħmlu ġesti konkreti u ta’ solidarjetà biex ngħinu li kull min qiegħed isofri, u jdawwal l-imħuħ ta’ min għandu s-setgħa biex isikktu l-armi u minnufih iwaqqfu dil-gwerra bla sens!  Sfortunatament, il-preferenza hi li nisimgħu raġunjiet oħra li tiddetta l-loġika tad-dinja. Imma l-vuċi tat-Tarbija min qed jismagħha?

Fi żmienna qed ngħixu karestija kbira ta’ paċi , f’reġjunijiet oħra, f’teatri oħra ta’ dit-tielet gwerra dinjija.  Niftakru fis-Sirja, li għadha mifluġa minn kunflitt li donnu qed jintesa iżda li għadu ma ntemmx; u nsemmu l-Art Imqaddsa fejn, dawn l-aħħar xhur, żdiedu l-vjolenza u l-ġlied li ħallew bosta nies mejta u feruti.  Nitobu bil-ħerqa lill-Mulej sabiex hemmhekk, fl-art li ratu jitwieled, jerġa’ jibda d-djalogu u t-tfittxija ta’ fiduċja reċiproka bejn il-Palestinjani u l-Iżraeljani.  J’alla Ġesù Bambin iwieżen lill-komunitajiet insara li jgħixu fil-Lvant Nofsani kollu, ħalli f’kull wieħed minn dawk il-pajjiżi l-konvivenza fraterna bejn persuni li jħaddnu twemmin differenti minn xulxin jibdew igawdu s-sbuħija tal-fraternità.  J’alla jgħin, b’mod partikolari, sabiex, bis-sapport tal-komunità internazzjonali u l-qawwa tal-fratellanza u tas-solidarjeta, fl-aħħar, il-Libanu jerġa’ jgħolli rasu.  J’alla d-dawl ta’ Kristu jdawwal ir-reġjun ta’ Sahel, fejn il-konvivenza bejn il-popli u t-tradizzjonijiet tinsab f’diżordni minħabba l-ġlied u l-vjolenza.  J’alla jorjenta lil Yemen biex issib paċi dejjiema u jmexxi lejn ir-rikonċiljazzjoni l-Myanmar u l-Iran ħalli jieqaf it-tixrid tad-demm.  J;alla jispira lill-awtoritajiet politiċi ta’ rieda tajba fil-kontinent amerikan biex jagħmlu ħilithom ħalli jirrikonċiljaw it-tensjonijiet politiċi u soċjali li qed jolqtu diversi pajjiżi; qed naħseb b’mod partikolari fil-popolazzjoni ta’ Haiti li ilha ssofri għal wisq żmien.

F’dal-jum, imsebbaħ mil-laqgħa madwar mejda mħejjija għall-ikla, ma naqalgħux għajnejna minn fuq Betlehem, li tfisser “dar il-ħobż”, u niftakru fil-persuni li qed ibatu l-ġuħ, speċjalment it-tfal, filwaqt li ta’ kuljum, kwantitajiet enormi ta’ ikel jinħela u jintefqu flejjes kbar fil-armi.  Il-gwerra fl-Ukrajna ħażżnet aktar is-sitwazzjoni, u qed tħalli popolazzjonijiet sħaħ fir-riskju tal-karestija, speċjalment fl-Afghanistan u fil-pajjiżi fil-Qarn tal-Afrika.  Kull gwerra – nafuha – ġġib il-ġuħ u tisfrutta l-ikel stess bħala arma, u ma tippermettix li dan jitqassam fost il-popolazzjonijiet li diġà qed isofru.  F’dal-jum, b’tagħlima mill-Prinċep tal-paċi, ejjew ilkoll nimpenjaw ruħna, l-ewwel fostna dawk li għandhom responsabbiltajiet politiċi, sabiex l-ikel ikun biss strument ta’ paċi.  Filwaqt li qed induqu l-ferħ tal-laqgħa ma’ qrabatna, niftakru fil-familji l-aktar mġarrbin mill-ħajja, u dawk li f’dan iż-żmien ta’ kriżi ekonomika, jinsabu f’diffikultà minħabba n-nuqqas ta’ xogħol u m’għandhomx il-meħtieġ biex jgħixu.

Għeżież ħuti, illum bħal dejjem, Ġesù, id-dawl veru, jiġi f’dinja marida bl-indifferenza – marda kerha din! – li ma tilqgħux (cfr Ġw 1,11), anzi tirrifjutah, kif jiġri lill-bosta stranġieri, jew tinjorah, kif spiss nagħmlu aħna mal-foqra.  Illum ma ninsewx lill-bosta migranti u rifuġjati li qed iħabbtulna l-bieb biex ifittxu faraġ, sħana u ikel.  Ma ninsewx lill-imwarrbin, il-persuni waħedhom, l-orfni u l-anzjani – id-dehen tal-poplu –  li qed jirriskjaw li jispiċċaw skartati, lill-ħabsin li fihom naraw biss l-iżbalji tagħhom u mhux il-persuna umana.

Ħuti, Betlehem turina s-sempliċità ta’ Alla, li ma jurix ruħu lill-għorrief u l-imdawlin, imma liż-żgħar, lil min għandu qalb safja u miftuħa (cfr Mt 11,25).  Bħar-rgħajja, immorru aħna wkoll bla telf ta’ żmien u nħallu dil-ġrajja impensabbli ta’ Alla li jsir bniedem għas-salvazzjoni tagħna, timliena bl-istagħġib.  Dak li hu l-għajn ta’ kull ġid, jiftaqar (1) u jittallab mingħandna l-umanità fqira tagħna.  Inħallu l-imħabba t’Alla tqanqalna, u nimxu wara Ġesù li tneżża’ mill-glorja tiegħu biex itina sehem mill-milja tiegħu (2).  Il-Milied it-tajjeb lil kulħadd!

[1] Cfr San Girgor Nażjanżenu, Diskors 45.
[2] Cfr ibid.

Sors: laikos.org